Internazzjonali

Deputati parlamentari Ġermaniżi taħt protezzjoni fi kwistjoni dwar ‘ġenoċidju’

Ħdax il-deputat parlamentari Ġermaniż li għandhom oriġini Torok jinsabu taħt il-protezzjoni tal-pulizija wara li rċevew theddid kontra ħajjithom.

Dan wara li d-deputati kienu appoġġjaw l-inizjattiva tal-Parlament tal-Ġermanja biex il-massakru, fl-1915, ta’ Armeni taħt idejn l-Ottomani Torok ikun imfisser bħala ‘ġenoċidju’. Il-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin wissa lid-deputati ta’ oriġini Torka biex huma ma jivvjaġġawx lejn it-Turkija, għaliex ladarba jkunu hemm, is-sigurtà tagħhom ma tistax tkun iggarantita.

Ir-rikonoxximent partikolari ta’ ‘ġenoċidju’ mill-Parlament Ġermaniż kien irrabja
Ħafna lill-Gvern tat-Turkija li jirrifjuta akkużi dwar ġenoċidju fl-era tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Il-ħdax il-deputat ta’ oriġini Torka li vvutaw għar-riżoluzzjoni f’Berlin kellhom jiffaċċjaw mewġa ta’ opinjoni negattiva min-naħa tal-Gvern Tork, kif ukoll mingħand il-membri tal-komunità kbira tat-Torok residenti fil-Ġermanja.

Min-naħa tiegħu, il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, kien ikkundanna bl-aħrax lill-parlamentari Ġermaniżi ta’ nisel Tork; bl-istampa Ġermaniża, issa, tirreferi għal messaġġ li bagħat is-Sindku ta’ Ankara fuq Twitter li qed juri lill-ħdax il deputat u slogan bil-kliem ‘dawn in-nies niffdu lit-Torok f’darhom’.

It-tweet kien iċċirkolat minn ħafna nazzjonalisti Torok, li wħud minnhom ħarġu theddid tal-mewt fil-konfront tad-deputati.

It-Turkija, dan ix-xahar, irtirat lill-Ambaxxatur tagħha minn Berlin wara li l-Parlament Ġermaniż kien ħareġ b’vot qawwi favur ir-riżoluzzjoni dwar ‘il-ġenoċidju’ tal-Armeni.

Il-Kap tal-Partit tal-Ħodor fil-Ġermanja, Cem Ozdemir, qal li rċieva emails b’messaġġi li ‘(il-persuni li bagħtuhom) se jsibu lid-deputati Torok kullimkien u irrispettivament minn fejn huma jmorru’. Ozdemir kompla li ‘ħbieb infurmati tajjeb’ fit-Turkija qalulu biex jieħu din it-theddid bis-serjetà.

L-Armeni jgħidu li sa 1.5 miljuni fost l-antenati tagħhom inqatlu waqt l-atroċitajiet tal-1915, li seħħew waqt il-kollass tal-Imperu Ottoman, fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija.