Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel żjara lill-Malta Hospice Movement f’Ħal-Balzan fl-okkażjoni tal-Open House – attivita’ li permezz tagħha inħoloq aktar għarfien fuq il-ħidma fejjieda ta’ din l-organizazzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg.
Huma iltaqgħu mal-parteċipanti f’din l-attivita’ fosthom rappreżentanti tal-kavallerija tal-Pulizija. Iżda fuq kollox ġew imdawwra mal-premises miċ-chairperson Maria Gatt, mill-Viċi Chairperson Dr Vincent Zammit u mill-General Manager Kenneth Delia.
Il-Malta Hospice Movement hi pijunier fl-għajnuna lill-pazjenti morda bil-kanċer u lill-familji tagħhom speċjalment fejn tidħol il-kura paljattiva. Fil-fatt illum il-Hospice qed tifrex is-servizzi tal-kura paljattiva lejn firxa aktar wiesgħa ta’ kundizzjonijiet li jinkludu mard tal-qalb u tal-pulmun.
Mal-lista ta’ servizzi issa żdied ukoll is-servizz tal-għajnuna psikoloġika li flimkien ma dak tat-tobba, infermiera u social workers, qed jagħti għajnuna aktar sħiħa u ħolistika lill-pazjenti u l-familjari tagħhom.
Dr Busuttil feraħ u rringrazja lill-Malta Hospice Movement għas-servizz imprezzabli li qed joffru. Huwa stieden lir-rappreżentanti tal-Hospice biex ikomplu jsaħħu l-ħidma fejjieda tagħhom filwaqt li offrielhom is-sostenn u l-appoġġ għal-ġid tal-pazjenti u l-familjari tagħhom.
//= $special ?>