Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Theddida mill-Brexit għall-pensjonijiet u s-servizzi tas-saħħa

Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron kompla jwissi dwar ir-riperkussjonijiet li jirriżultaw f’każ li r-Renju Unit jivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea fir-referendum ta’ dan ix-xahar.

Hu spjega li f’każ li l-elettorat Britanniku jiddeċiedi favur Brexit, il-vot kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea jista’ taffettwa l-infiq tal-Gvern ta’ Londra fuq il-pensjonijiet, is-servizzi tas-saħħa nazzjonali u d-difiża tar-Renju Unit.

Din kienet l-aħħar twissija dwar vot potenzjali li joħroġ lill-pajjiż mill-UE, li, bla dubju, iħalli impatt negattiv għal ħafna setturi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum għal għexieren ta’ eluf ta’ Britanniċi.

David Cameron, li kien qed jitkellem fuq The Andrew Marr Show tal-BBC, kompla li sitwazzjoni ta’ Brexit toħloq ‘ħofra sewda’ fil-finanzi pubbliċi, bl-ekonomija tar-Renju Unit tiċkien f’każ li l-poplu jivvota biex ma jkomplix bħala membru tal-Unjoni Ewropea.

Hu, imbagħad, wissa mill-ġdid li sitwazzjoni bħal din żgur li għandha twassal, ‘il quddiem, għal numru ta’ deċiżjonijiet diffiċli mill-Gvern ta’ Londra.

Fadal biss jiem qabel il-vot kruċjali tat-23 ta’ Ġunju li jiddeċiedi d-destin tar-Renju Unit. Intant, aktar persuni, inklużi uffiċjali u personalitajiet awtorevoli huma konxji dwar il-konsegwenzi negattivi għall-finanzi tar-Renju Unit f’każ li l-poplu, bil-vot tiegħu, iwassal għal Brexit.

Fi żviluppi oħra, il-mexxej spiritwali tal-Knisja Anglikana qal li se jivvota favur li r-Renju Unit ikompli bħala membru tal-UE, filwaqt li faħħar dan il-grupp ta’ pajjiżi bħala ‘xprun għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni’.

L-Arċisqof Justin Welby, filwaqt li fakkar fil-viżjoni tal-fundaturi tal-Unjoni Ewropea li insistew għal Ewropa mibnija fuq il-paċi fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, qal li l-Britanniċi li jivvutaw fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju iridu jagħmlu għażla li tibbaża fuq l-istess ambizzjoni u sens ta’ realiżmu.