Internazzjonali

L-attakk fuq in-nightclub ta’ Orlando hu fost l-aktar imdemmija fl-istorja riċenti tal-Istati Uniti

epaselect epa05358703 A handout photograph made available by Univision Florida Central showing a view of the general scene following a shooting at Pulse Nightclub in Orlando, Florida, USA, 12 June 2016. Orlando Police state there are multiple injuries with reports stating that the attacker is still inside the club and has taken hostages. EPA/UNIVISION FLORIDA CENTRAL / HANDOUT HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Il-Pulizija fl-Istat Amerikan ta’ Florida kkonfermaw li mill-lanqas 50 persuna nqatlu waqt sparatura ġo nightclub ta’ Orlando, bl-awtoritajiet lokali jiddikjaraw ‘stat ta’ emerġenza’. L-attakk qed jissemma fost l-agħar li qatt kienu diretti fuq massa ta’ persuni ġo post wieħed, fl-istorja riċenti tal-Istati Uniti.

Ir-raġel responsabbli mid-dmija kien identifikat bħala Omar Mateen, bir-rapporti jgħidu li hu nqatel waqt konfront mal-pulizija, f’ħin meta hu kien qed iżomm numru ta’ ostaġġi fin-nightclub.

Mateen, kmieni dalgħodu, qabad u fetaħ in-nar fuq in-nies li kienu qegħdin jiddevertu fl-istabbilment li jismu Pulse Club; bl-aħħar rapporti jirreferu wkoll għal ‘talanqas 53 midruba’.

L-uffiċjali intervistati f’Orlando qalu li, x’aktarx, kien hemm skop ideoloġiku wara l-qtil tan-nies fin-nightclub li kien frekwentat minn klijentele omosesswali. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni li r-raġel armat kien assoċjat ma’ xi grupp partikulari.

Jaħsbu li s-suspettat, ċittadin Amerikan ta’ dixxendenza Afgana li kien ġej mill-belt ta’ Port St Lucie, ma kienx imniżżel fuq watch list għal terroristi potenzjali. Intant, ir-raġel identifikat bħala Omar Mateen kien anki qed ikun investigat għal att kriminali mhux assoċjat mat-terroriżmu.

Fl-aħħar sigħat, numru kbir ta’ qraba tan-nies li kienu fin-nightclub inġabru fl-isptarijiet ta’ Orlando, fost stennija ansjuża għal aħbar dwar l-għeżież tagħhom.
Ħafna minn dawn in-nies kienu rċevew telefonati u text messages mingħand qraba li kienu fil-Pulse Club waqt li kienet għaddejja l-isptaratura u li ma semgħux aktar mingħandhom mill-eqqel tad-drama ‘il hawn.

Iċ-ċifri tal-mejtin u midruba fl-attakk komplew ikunu aġġornati matul il-jum tal-bieraħ. Il-pulizija ta’ Orlando qalu wkoll li seħħet splużjoni kkontrollata fl-inħawi tal-Pulse Club. Dan meta l-belt ta’ Orlando, fl-aħħar sigħat, siċċat f’morsa ta’ tensjoni akuta.

L-awtoritajiet fi Florida sostnew li li kien hemm ‘il fuq minn 100 persuna fil-Pulse Club qabel seħħet id-drama u li fl-inċident instemgħu ‘it-tiri kontinwi u konsistenti’.