Il-qtil, fil-lejl tal-Ġimgħa, tal-kantanta żgħażugħa Christina Grimmie nissel xokk qawwi fost is-soċjetà fl-Istati Uniti. Dan meta l-pulizija għadhom ma jafux x’wassal biex hi taqla’ tiri fatali mingħand raġel li qed jingħad li għamel vjaġġ twil ‘bl-intenzjoni speċifika li joqtolha’.
Grimmie, li kellha 22 sena u li kienet qed issir dejjem aktar popolari bħala kantanta, kienet qed tiffirma l-awtografi ftit wara kunċert fil-belt ta’ Orlando, meta l-aggressur qabad u sparalha kiesaħ u biered. Hi mietet l-isptar aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbet.
Il-qattiel, identifikat bħala Kevin James Loibl ta’ 26 sena, kien ivvjaġġa mill-belt ta’ St Petersburg, fi Florida, bil-ħsieb li jikkonfronta lill-kantanta. Waqt li mhux maħsub li Loib kien jaf lil Grimmie personalment hemm kull possibbiltà li hu kien ossessjonat biha.
L-aggressur spiċċa joqtol lilu nnifsu b’idejh ftit wara li spara fuq Christina Grimmie fit-teatru The Plaza Live ta’ Orlando. Qabel ikkommetta suwiċidju hu kien anki issara ma ħu l-kantanta, li għamel minn kollox biex irażżnu.
L-intervent kuraġġjuż ta’ ħu l-kantanta x’aktarx li għen biex ma jirriżultawx aktar vittmi fl-inċident, bil-pulizija tfaħħar lil ħu Christina Grimmie għall-qlubija tiegħu.
Christina Grimmie saret magħrufa bħala kantanta adolexxenti li kienet tinterpreta varjetà ta’ kanzunetti li kisbu suċċess u hi, maż-żmien, saret popolari ħafna fuq YouTube.
Filwaqt li kien hemm attendenza tajba għall-kunċert ta’ Grimmie li sar fil-lejl tal-Ġimgħa f’The Plaza Live, kienu baqgħu biss ftit nies f’dan it-teatru meta seħħet l-isparatura.
Fl-aħħar jiem, eluf ta’ dilettanti tal-mużika użaw il-media soċjali, b’mod partikulari Facebook u Twitter, biex jesprimu xokk u dieqa għall-qtil bla sens tal-kantanta.
//= $special ?>