Minkejja li f’Marzu tas-sena li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat ippresieda l-iffirmar ta’ ftehim għall-bini ta’ sptar ġdid fi Smart City fil-Kalkara, il-mument illum żvelat li għandha konferma li sal-lum, meta hu magħruf li l-investituri Taljani mexxew sptar f’Ruma li falla fl-2012 u wieħed minnhom jissemma f’każi kbar ta’ frodi, il-Gvern Laburista għadu lanqas biss għadda minn proċess regolatorju lill-istess iżviluppaturi waqt li lanqas għadha ma tressqet applikazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Fit-28 ta’ Marzu li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ftaħar dwar l-importanza ta’ dan l-investiment, tant li kien qal li dan huwa parti mill-viżjoni biex Malta ssir ċentru għall-kura medika fil-Mediterran.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim bejn SmartCity u l-kumpanija Sysnesis Limited, kien hemm ukoll il-Ministru Konrad Mizzi, dak iż-żmien responsabbli mis-settur tas-saħħa, li kien akkumpanjat ukoll mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne kif ukoll Keith Schembri, Chief of Staff f’Kastilja. Dakinhar, il-Ministru Konrad Mizzi kien tkellem favur ħafna dan l-investiment mill-kumpanija privata b’interessi Taljani u Malti. L-interess Malti huwa rappreżentat minn ċertu Steve Carter.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li dakinhar kienet okkażjoni ċara mill-Gvern ta’ Joseph Muscat li ried jieħu rikba politika, ġimgħatejn biss qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Tant hu hekk, li l-Gvern kien sfrutta dik l-okkażjoni b’messaġġi politiċi partiġġjani li kien qed juża l-Partit Laburista fil-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet lokali.
Erbatax -il xahar wara jidher li dik iċ-ċerimonja li kien mexxa l-Prim Ministru, se twelled skandlu ieħor. Nhar il-Ħadd li għadda, l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni fl-Italja, RAI 3 żvela li wara dan l-isptar maħsub li jsir fi SmartCity hemm żewġ Taljani, li fl-aħħar snin kienu konsulenti u involuti fit-tmexxija ta’ sptar tad-dermatoloġija f’Ruma li spiċċa biex falla minkejja li nħarġu mat-€800 miljun f’sussidji statali. Wieħed minnhom, Giovanni Rusciano, li huwa konsulent, saħansitra jissemma diversi drabi fir-rapport tal-inkjesta ġudizzjarja Taljana minħabba każi ta’ frodi.
Fi tweġibiet lil il-mument għall-mistoqsijiet mibgħuta lill-Ministeru tas-Saħħa, kelliem uffiċjali għall-Ministru Chris Fearne qal li “biex dan il-proġett ikun liċenzjat u jopera bħala sptar, l-iżviluppaturi jkollhom jgħaddu minn proċess regolatorju. S’issa m’hemm l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja ta’ sptar ġdid mad-Dipartiment tas-Saħħa.”
L-istess kelliem uffiċjali tal-Ministru waqt li qal li l-isptar il-ġdid li huwa ppjanat li jibda jopera minn Smart City huwa proġett kompletament privat, skont informazzjoni li għandu l-gvern, dan l-isptar għadu se jsir. Madankollu ma ngħatat ebda tweġiba meta mistenni jkun lest dan l-isptar, minkejja li dakinhar li saret iċ-ċerimonja pompuża mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru Konrad Mizzi kien intqal li hu ppjanat li dan l-isptar jiftaħ fl-2017.
Intant, b’rabta mal-falliment tal-isptar f’Ruma u s-sensiela ta’ każi ta’ frodi, il-gazzetta The Times of Malta lbieraħ irrappurtat li l-konklużjonijiet tal-inkjesta ntbagħtu lit-Tribunal ta’ Ruma. Il-pass li jmiss huwa li tittieħed id-deċiżjoni biex jinħarġu l-akkużi formali kontra dawk li jissemmew fl-inkjesta fosthom Giovanni Rusciano. Dawk li jistabu ħatja jistgħu jingħataw massimu ta’ sitt snin priġunerija. L-isem ta’ Rusciano ħareġ fil-beraħ wara r-rapport investigattiv tar-RAI. Skont dan ir-rapport, saru mistoqsijiet dwar jekk mill-ammonti kbar ta’ flus li għebu wara li l-Gvern Taljan ta mat-€800 miljun f’sussidji lill-isptar dermatoloġiku f’Ruma, humiex se jispiċċaw biex jiffinanzjaw il-proġett tal-isptar f’Malta.
B’referenza għar-rapport investigattiv li xxandar fuq ir-RAI li jsemmi fost affarijiet oħra kif Rusciano li huwa involut fil-proġett ta’ Malta kien investigat fuq frodi ta’ miljuni ta’ ewro, il-Ministeru tas-Saħħa qal li qiegħed isegwi l-iżviluppi f’dan il-każ.
Sensiela ta’ mistoqsijiet oħra ntbagħtu lill-Ministru Konrad Mizzi li evita li jwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet. Kelliem uffiċjali għall-Ministru qal biss dan hu proġett privat fil-qasam mediku u li huwa mmexxi minn żvilupatturi privati. B’referenza għal laqgħa li kellu mas-senatriċi Taljana Laura Bianconi, li tqanqlu mistoqsijiet dwarha fl-investigazzjoni mxandra mir-RAI, kelliem għall-Ministru Mizzi qal li ma kellha x’taqsam xejn mal-proġett ta’ Smart City u dan il-proġett ma kienx diskuss.
Iżda l-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx għal dawn il-mistoqsijiet:
Tul il-perjodu li kont Ministru tas-Saħħa u issa bħala Ministru responsabbli minn proġetti ewlenin; bqajt isegwi l-iżviluppi b’rabta mal-proġett propost ta’ sptar fi Smart City anki fil-kuntest ta’ dak li kien qal il-Prim Ministru li dan il-proġett jinkwadra tajjeb mal-politika dwar is-sahha?
Peress li kont preżenti u ppresiedejt l-iffirmar tal-ftehim bejn il-kumpanija Synesis Limited u SmartCity, x’inhi l-pożizzjoni tiegħek wara r-rapport investigattiv li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali RAI li jsemmi kif wieħed mill-imprendituri Taljani involuti fil-proġett ta’ Malta kien arrestat diversi drabi u għandu akkużi ta’ frodi ta’ miljuni ta’ ewro?
//= $special ?>