Ir-residenti tal-Baħrija qed jippjanaw protesta għal nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju bit-tama li jwasslu leħinhom wara dewmien esaġerat u problema kbar li qed jaffaċċjaw b’rabta mal-proġett tat-triq prinċipali tal-Baħrija.
Oriġinarjament kien ippjanat li din it-triq tinbena’ mill-ġdid wara li ssir sistema’ ta’ dranaġġ u servizzi oħra biex jaqdu lir-residenti tal-Baħrija.
Madankollu, sa mill-bidu tax-xogħol kollox kien qed jindika li din it-triq hi mibnija fuq l-oqbra, u x-xogħol waqaf sabiex l-arkeoloġisti b’reqqa kbira setgħu ikomplu l-iskavi u l-istudji dwar dan is-sit.
Fl-aħħar jiem, meta kompla x-xogħol ta’ tħaffir, instab sett ieħor ta’ oqbra, li issa dawn ukoll iddawru bil-ħadid, biex jiġi evitat il-periklu, u tgħattew b’tinda biex taħthom ikompli x-xogħol mill-arkeoloġisti.
Dan wassal għal rabja kbira fost ir-residenti tal-Baħrija li ilhom madwar sena jieħdu dawra twila biex jaslu sa djarhom.
Mhux hekk biss, iżda l-alternattivi huma toroq One Way li s-sewwieqa mhux josservaw, b’riskju li jseħħ xi inċident, kif ukoll toroq dojoq u oħrajn bi ħsarat konsiderevoli li qed iwasslu għal ħsara fil-vetturi privati.
Issa qamet l-idea li t-triq kollha ssir walking museum, jew aħjar triq sħiħa li ssir pedonali u miksija b’tip ta’ materjal bħal ħġieġ jew perspex biex dak li jkun ikun jista’ jimxi minn fuqha u jara l-oqbra. Dan se jwassal ghal izjed dewmien biex is-sitwazzjoni tissolva.
Dan l-istazzjon hu nfurmat li issa anke s-sidien tar-ristoranti tal-lokal ħadu pariri legali u mhux jeskludu li jieħdu azzjoni legali fil-konfront tal-Gvern u l-awtoritajiet kompetenti wara li l-komunità kummerċjali tal-Baħrija qed tilħaq l-inqas livelli ta’ kummerċ għal snin twal.
Sidien ta’ ristoranti li qabel kienu jorganizzaw attivitajiet kontinwi matul il-ġurnata spjegawlna kif issa qed jiftħu biss fi tmiem il-ġimgħa.
Infurmati wkoll li fl-aħħar ġimgħat gruppi ta’ persuni, b’mod speċjali anzjani li kienu jattendu għall-coffee mornings jew tombla li kienu jiġu organizzati b’mod regolari f’ristoranti tal-Baħrija, ħassru l-attivitajiet.
Dan għaliex ir-rotot alternattivi minħabba l-proġett tat-toroq u d-dranaġġ mhux tajbin għall-kowċis privati li kienu jinkrew, b’dawk affettwati kien se jkollhom jikru mini buses bi spiża ferm ogħla.
Is-sidien tar-ristoranti qed jitolbu li jiġu kkumpensati finanzjarjament għad-danni li sofrew, skont huma għaliex ma kienx hemm ippjanar kif suppost biex jonqos l-inkonvenjent għalihom u għall-klijenti tagħhom.
//= $special ?>