Terroristi tal-ISIS fil-belt ta’ Sirte użaw ambulanza u żewġ vetturi oħra għal azzjonijiet suwiċida kontra qawwiet Libjani leali għall-Gvern tal-Libja li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti.
Ir-rapporti qalu li miet almenu paramediku mal-qawwiet Libjani b’konsegwenza tal-attakki f’Sirte, wara li gruppi ta’ milizzji anti-ISIS, li ħafna minnhom ġejjin mill-belt ta’ Misrata, komplew javvanzaw lejn il-qalba tal-belt.
Il-belt ta’ Sirte kienet waqgħet f’idejn l-ISIS is-sena l-oħra, fejn, maż-żmien, inbidlet f’fortizza ewlenija tat-terroristi fil-Libja.
Intant, il-Ġeneral Mohammed al-Ghasri qal li l-attakk mill-ISIS seta’ jseħħ xorta minkejja l-offensiva kontinwa tal-qawwiet Libjani fuq iċ-ċentru ta’ Sirte. Ingħad li t-terroristi kkonċentraw fuq it-taqsimiet tal-qawwiet Libjani li huma nkarigati mill-provvisti u l-ħteġiet mediċi, bl-istess attakki suwiċida jħallu wkoll numru ta’ truppi midruba.
Il-Ġeneral al-Ghasri sostna, iżda, li attakki suwiċida bħal dawn u r-reżistenza tal-ISIS mhix se ttellef il-qawwiet Libjani milli jippersistu lejn l-objettiv tagħhom, li jibqa’ ‘Sirte ħielsa mill-ISIS’. Hu kompla li l-qawwiet tiegħu u l-milizzji alleati ‘huma determinati biex jikkonkludu din il-missjoni qabel ix-xahar tar-Ramadan għall-Musulmani’ , li beda fis-6 ta’ Ġunju.
//= $special ?>