Lokali Qorti

Aġġornata: Il-Pulizija ma nvestigax qabel ressqet lill-akkużati għax ma kellhiex l-inkjesta kollha

Minn xhieda mogħtija fil-Qorti, jirriżulta li l-Pulizija ma nvestigatx qabel akkużat 13-il persuna b’konnessjoni mal-inċidenti fl-attività Paqpaqli għall-Istrina fl-2015 għax l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali m’għaddilhiex l-Inkjesta kollha għall-kunsiderazzjonijiet tagħha.

Quddiem il-Qorti, dalgħodu tressqu 13-il persuna, fosthom ix-xufier tal-karrozza sportiva involuta Paul Bailey. L-akkużati huma Tonio Darmanin, Tonio Cini, Agostino Degiorgio, Jonathan Tonna, Kevin Perry, Melvin Haber, Ian Keith Cilia Pisani, Jonathan Bruno, Julian Mannara, Christopher Sultana, David Bugeja and Brian Gatt.

Id-Difiża hi mmexxija mill-Avukati Gianella de Marco, Joseph Giglio, Stefano Filletti, Robert Abela, fost l-oħrajn. Bħala parte civile, qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto u Edward Gatt.

L-akkużati jinkludu lill-membri tal-Kumitat Organizzattiv ta’ Paqpaqli għall-Istrina, li kienet organizzata f’Park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-4 ta’ Ottubru li għadda. L-attività kienet organizzata biex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Fl-inċident weġġgħu 28 persuna, fosthom uħud serjament. L-Inkjesta tmexxiet mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li poġġiet ir-responsabbiltà għal dak li ġara fuq il-persuni li tressqu l-Qorti, partikolarment fuq ix-xufier tal-karozza Porsche 918, Paul Bailey.

L-Inkjesta tal-Maġistrat Scerri Herrera eżonerat għal kollox mir-responsabbiltà lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għax kien stabbilit li ma kinitx involuta fl-ebda parti tal-organizzazzjoni tal-attività.

Is-seduta tal-Qorti kienet karatterizzata minn diversi dikjarazzjonijiet iebsa min-naħa tad-Difiża, li kkontestaw il-validità tal-Inkjesta Maġisterjali minħabba l-parteċipazzjoni tal-Espert Martin Bajada. Oġġezzjoni oħra tad-Difiża kienet għall-fatt li l-akkużati kollha tressqu bl-istess akkużi, meta wħud minnhom ma kellhomx rwol organizzattiv jew parteċipattiv.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużati tressqu flimkien u bl-istess akkużi skont il-konklużjoni tal-Inkjesta, magħmula minn 1,700 paġna. Dwar Martin Bajada, id-Difiża qed issostni li dan għamel mistoqsijiet li kienu lil hinn mill-inkarigu tiegħu, fost oħrajn dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Id-Difiża kompliet targumenta li Martin Bajada qatt ma kellu jinħatar bħala Espert tal-Qorti għax fost l-oħrajn, kien instab ħati ta’ serq f’kawża separata. Għalhekk, m’hemmx fiduċja fil-ħidma tiegħu, speċjalment meta fl-Inkjesta dan kien qed jaħdem waħdu.

L-Avukat Giannella de Marco ressqet numru ta’ oġġezzjonijieet għall-inkjesta, fejn sostniet li Bailey qed joġġezzjona għall-mod kif kien trattat waqt l-Inkjesta, propju qabel ma kien se jiġi operat fl-Isptar.

Hu qed isostni li ma kienx f’pożizzjoni jagħraf lill-persuni li kienu qed jistaquh il-mistoqsijiet u għalhekk ma jafx kienx hemm Martin Bajada fosthom. F’dawn il-mumenti, Bailey kien taħt xokk u trawma, tant li Bailey spiċċa joġġezzjona għall-konklużjonijiet tal-Inkjesta.

Fl-argumenti tagħhom, id-Difiża tat-13-il akkużat sostnew li l-problema nħolqot mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li għadda l-Inkjesta lill-Ministru minflok lid-Difiża. Min-naħa tiegħu, anke l-Avukat Roberto Montalto, li qed jidher bħala parte civile, qal li ma ngħatax kopja tal-Inkjesta. Dan minkejja li l-Ministru tal-Ġustizzja kien għamel konferenza tal-aħbarijiet informali u fiha qassam kopja tal-Inkjesta lill-media.

Dwar dan, il-Prosekuzzjoni spjegat li lanqas hi ma rat l-Inkjesta kollha, iżda rat biss l-estratt u mhux l-atti kollha.

Din id-dikjarazzjoni tal-Prosekuzzjoni ġabet reazzjoni qawwija mid-Difiża, li sostniet li dan mhux il-mod kif kellhom jitmexxew l-investigazzjonijiet. L-Avukat Joe Gilgio esprima diżappunt għall-mod kif il-Kummissarju tal-Pulizija mexxa l-invetigazzjonijiet u sostna li huma diżgustati kif il-Pulizija ma nvestigatx qabel ressqet lill-akkużati. Sostna li l-Kummissarju tal-Pulizija abdika mir-responabbiltajiet tiegħu, li jagħmel l-investigzzjonijiet kif meħtieġ.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Isptetturi Cini, Magro u Mifsud, qalet li kienet għexet il-proċess waqt li kien qed isir u kienet anke tattendi għas-seduti tal-Inkjesta. Fuq insistenza tad-Difiża, il-Qorti ordnat li l-partijiet jingħataw kopja tal-Inkjesta u li l-kawża tkun aġġornata għat-28 ta’ Ottubru li ġej.