Andrea Galea ngħata l-Premju tat-Tjubija Papa Ġwanni 23, li jingħata kull sena mil-Laboratorju tal-Paċi.
Andrea, li għandu 15-il sena u jattendi l-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Bormla, ingħata dan il-Premju wara li l-Għalliema tiegħu talbu lis-Surmast tal-iskola biex jinnomina għall-Premju lil Andrea. Dan għax Andrea kien ilu jiġi osservat jgħin lil sħabu bi bżonnijiet speċjali, b’mod partikolari lil student partikolari li jagħmel użu mis-siġġu tar-roti.
Il-Premju kien ippreżentat mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li ddeskriviet lil Andrea bħala mudell mhux biss għal dawk tal-età tiegħu, iżda wkoll għall-adulti. Hi saħqet ukoll li l-Iskejjel m’għandhomx ikunu postijiet fejn ikunu mgħallma suġġetti akkademiċi biss, iżda fejn ikunu mgħallma valuri għall-paċi u l-inklużjoni soċjali.
Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju Mintoff, li jmexxi l-Laboratorju tal-Paċi, qal li dan iż-żagħżugħ hu messaġġ posittiv għaż-żgħażagħ.
//= $special ?>