Lokali

L-ebda risposta mill-Gvern dwar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni kontra Alfred Mifsud

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fil-konfront tad-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud, il-Gvern għadu ma ta l-ebda risposta minkejja li issa għaddew erbat ijiem minn meta ġew żvelati dawn l-allegazzjonijiet. NETnews bagħat mistoqsijiet lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u anke lil Alfred Mifsud innifsu.

Iżda filwaqt li l-Gvern baqa’ ma’ weġibx, wara li kienet ippubblikata l-istorja fuq NETnews.com.mt, Alfred Mifsud wieġeb li jinsab imsiefer. Hu qed jiċħad kull allegazzjoni u staqsa għalfejn dawn l-allegazzjonijiet qed isiru 18-il sena wara li seħħ il-każ.

L-allegazzjoni ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ Alfred Mifsud ġiet żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia il-Ġimgħa li għadda, meta allegat li negozjant ewlieni kien jieħu flus kontanti d-dar ta’ Alfred Mifsud meta dan kien Chairman tal-Mid Med Bank, bejn l-1996 u l-1998, fi żmien Gvern Laburista.

L-allegazzjoni hi li l-flus kontanti kienu jitpoġġew f’envelopes kbar u jittieħdu d-dar ta’ Mifsud f’Ħal Balzan minn negozjant innifsu. Mill-anqas, skont Caruana Galizia, ittieħdu tliet envelopes b’dan il-mod, li kull wieħed kellu fih 50,000 Lira Maltin.

In-negozjant inkwistjoni kien ir-rappreżentant ta’ Malta għall-kumpanija Amerikana East Point, li kienet ingaġġata biex tinstalla software ġdid li jiswa l-miljuni fis-sistema bankarja tal-Bank li tiegħu kien Chairman Alfred Mifsud.

F’Mejju 2015, Alfred Mifsud inħatar bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali u issa l-Gvern se jaħtru bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Alfred Mifsud hu viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tant li Mifsud kien jimpjega lil Muscat fin-negozju privat tiegħu qabel daħal fil-politika.

Minbarra li kien Kandidat tal-Partit Laburista, Alfred Mifsud għamel żmien twil ukoll Chairman tal-media tal-Partit Laburista.