Jekk il-Kummissjoni Elettorali jkollha dubju dwar l-eliġibbiltà ta’ applikant biex jivvota, m’għandhiex tqis id-dubju favur l-applikant u tirreġistrah bħala votant.
Jekk tagħmel dan, il-Kummissjoni Elettorali tkun qed tqis bħala inutli r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kostituzzjoni ħalli wieħed ikun jista’ jivvota. F’każ ta’ diffikultà, il-Kummissjoni għandha tibgħat għall-applikant biex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu.
Hekk iddikjarat il-Qorti fl-ewwel każ ta’ mill-91 Rikors li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra persuni li ngħataw id-dritt li jivvotaw meta ma kienx ħaqqhom wara li xtraw iċ-Ċittadinanza Maltija u ma għixux f’pajjiżna għall-perjodu stabbilit.
Il-Qorti nnutat li f’dan il-każ, il-proċedura li wieħed jistenna mill-Kummissjoni Elettorali, jiġifieri li tibgħat għall-applikant f’każ ta’ dubju, ma ġietx adottata.
Ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, il-Qorti nnutat ukoll kif fil-formola tal-applikazzjoni għad-dritt tal-vot, il-barrani Aleksandr Olegovich Zaikin wieġeb “Iva” għall-mistoqsija jekk kienx dejjem residenti f’Malta, iżda mbagħad wieġeb “Le” għall-mistoqsija jekk għex f’Malta għal 180 jum fl-aħħar 18-il xahar.
Barra minhekk, il-barrani baqa’ ma deher għall-ebda seduta fil-Qorti biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu.
Fuq dawn il-punti, il-Qorti laqat l-ewwel mis-sensiela ta’ Rikorsi li ressaq il-Partit Nazzjonalista kontra l-persuni barranin li ngħataw id-dritt tal-vot bi ksur tal-Kostituzzjoni.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Partit Nazzjonalista nduna li kienet qed issir irregolarità meta fir-Reġistru Elettorali kienu qed jiddaħħlu barranin li kienu xtraw il-Passaport, iżda ma kienux qagħdu biżżejjed f’pajjiżna biex ikunu intitolati għall-Vot.
B’hekk, il-Partit Nazzjonalsita ressaq ir-Rikorsi, li l-Kummissjoni Elettorali stess mhux toġġezzjona fuq 39 minnhom. Il-Kummissjoni Elettorali taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
//= $special ?>

