Nizar El Gadi, ta’ 36 sena u li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs, illum kien ikkundannat għal tliet xhur oħra ta’ priġunerija. Dan wara li nstab ħati li hedded Spettur tal-Pulizija dakinhar li ngħatalu l-verdett fil-każ ta’ qtil tal-eks mara tiegħu, l-Avukat Margaret Mifsud.
Dakinhar, El Gadi kien intbagħat għomru l-ħabs wara li, bi tmien voti kontra wieħed, instab ħati li qatel lill-eks mara tiegħu, f’każ li kien seħħ f’April 2012 f’Baħar iċ-Ċagħaq. Illum, El Gadi nstab ħati wkoll li hedded lil omm Margaret Mifsud.
Jirriżulta li hekk kif dakinhar inqrat is-sentenza, El Gadi kien ipponta subgħajh f’forma ta’ pistola lejn omm il-vittma u l-familja tagħha, filwaqt li lill-Ispettur Keith Arnaud kien għamillu sinjal bħal li kieku kien qed iħanxarlu għonqu, fejn kien qallu l-kliem “Int imiss”.
El Gadi kien immultat €5,000 mill-Maġistrat Joe Mifsud, li ordna wkoll biex l-Ispettur Arnaud u l-familja tal-vittma jingħataw protezzjoni min-naħa tal-Pulizija.
//= $special ?>