Lokali

Aġġornata: Imut is-sewwieq tal-mutur involut fl-inċident tal-bieraħ filgħaxija

Ralph Farrugia (ritratt), ta’ 49 sena mill-Mellieħa, is-sewwieq tal-mutur li lbieraħ kien involut fl-inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq is-Salini fin-Naxxar tilef il-ġlieda mal-mewt.

Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-7pm, kienu involuti vann tat-tip Peugeot Partner misjuq minn żagħżugħ ta’ 33 sena min-Naxxar u karozza tat-tip Fiat Punto misjuqa minn żagħżguħ ta’ 29 sena minn Għajnsielem Għawdex.

Fil-post, Farrugia ngħata l-ewwel għajnuna minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anke minn tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Mal-wasla l-Isptar, hu kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu tal-mewt.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li sfortunatament, Farrugia tilef ħajtu fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett tan-Naxxar għadhom għaddejjin.

Fuq Facebook, kienu ħafna l-ħbieb tiegħu li sellmulu u esprimew is-sogħba għat-telfa għall-għarrieda tal-ħabib tagħhom. Huma fakkru fil-passjoni kbira li Ralph kellu għall-muturi.