Futbol Sport

Blatter jallega li l-UEFA kienet timmanipula t-tlugħ tal-poloz

L-eks-President tal-FIFA Sepp Blatter allega li t-tlugħ tal-poloz ta’ diversi kompetizzjonijiet tal-UEFA kienu jkunu immanipulati hekk kif il-blalen li jintużaw kienu jkunu kesħin biex jintgħarfu.

Blatter stqarr li ra dan kollu b’għajnejh stess u spjega li uħud mill-blalen kienu jkunu mpoġġijin fi fridge biex la darba isir it-tlugħ tal-poloz dawn faċilment jintgħarfu mill-bqija tal-blalen li jkunu sħan.

Blatter qal li ra dan iseħħ kemm waqt tlugħ tal-poloz taċ-Champions League u tal-Europa League filwaqt li ċaħad li dan sar waqt it-tlugħ tal-poloz tat-Tazza tad-Dinja. Lejn tmiem is-sena li għaddiet Blatter, flimkien mal-eks-President tal-UEFA Michel Platini ġie sospiż għal tmien snin (li tnaqqset għal sitta) minn kull attività relatata mal-futbol minħabba pagament li għadda lil Platini fl-2011.

Platini kien aċċetta pagament ta’ madwar 1.34 miljun lira sterlina mingħand Blatter għal xogħol li kien għamel hu bejn Jannar tal-1999 u Ġunju tal-2002 meta dakinar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter.

Blatter qal il-mod illeċitu qatt ma seħħ fit-tlugħ tal-poloz tat-Tazza tad-Dinja minħabba li hu qatt ma ippermetta dan għax huwa persuna ta’ integrità kbira.