Il-Ministru Chris Fearne influwenza ruħu mill-ewwel mill-politika tal-mannara li issa saret uffiċjali fil-Partit Laburista. U jekk skont Fearne, min iqajjem mistoqsijiet leġittimi “ma jkunx jifhem”, għaliex naqas milli jwieġeb dawk il-mistoqsijiet?
Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista, fir-reazzjoni tiegħu għal stqarrija maħruġa mill-Ministru Chris Fearne.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tax-Shadow Ministers Therese Comodini Cachia u Claudette Buttigieg, qal li minflok ma jattakka lil ħaddieħor, Chris Fearne għandu jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar, fosthom mal-Vitalis Global Healthcare, kif ukoll ma’ Barts. X’qed iżommu, bħala Ministru tas-Saħħa, milli jippubblika dawn il-kuntratti?
U x’qed iżommu milli jwieġeb għall-allegazzjonijiet serji li saru dwar il-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dawn il-kuntratti għandhom jiġu ppubblikati b’mod immedjat mhux biss fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda anke fl-interess tat-tobba u l-istudenti tal-mediċina li l-mistoqsijiet li qed jagħmlu, qed jaqgħu f’widnejn torox.
Bl-istqarrija tiegħu, Chris Fearne kompla joħloq aktar mistoqsijiet milli tweġibiet. F’dik l-istqarrija Fearne ma jiċħadx li taħriġ tal-istudenti ta’ Barts se jsir ukoll f’Mater Dei. Ftit mill-mistoqsijiet li huwa għandu jibda jirrispondi huma dawn:
Jiċħad li l-Isptar ta’ Ghawdex ma għandux is-servizzi kollha tas-saħħa meħtieġa biex studenti tal-mediċina jingħataw it-taħriġ kollu li għanduhom bżonn?
Jiċħad li l-ewwel biegħ dan il-proġett bhala li se juża biss l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u wara tahom ukoll aċċess għall-Isptar Mater Dei?
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sptar dawn l-istudenti se jieħdu taħriġ fuq aspetti tas-saħħa akuta jekk mhux f’Mater Dei?
Il-Partit Nazzjonalista sostna li Chris Fearne għandu ħafna xi jwieġeb. Ebda politika tal-mannara mhi se twaqqaf lill-Oppożizzjoni li tkompli tagħmel dmirha f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>