Internazzjonali

Il-Libja: Imħeġġeġ appoġġ akbar għall-offensiva fuq l-ISIS f’Sirte

Il-Prim Ministru tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali, Fayez al-Sarraj, ħeġġeġ biex il-Libjani kollha jappoġġaw lill-qawwiet ta’ dan il-gvern waqt l-offensiva biex huma jieħdu lura l-kontroll ta’ Sirte minn idejn it-terroristi tal-ISIS.

Il-belt ta’ Sirte sa ftit ilu kienet sinonima mal-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi li nqatel fl-2011 waqt battalja deċiżiva tal-gwerra ċivili fil-Libja.

Intant, l-istess belt spiċċat bħala fortizza ewlenija tal-ISIS u Sarraj qed iħeġġeġ għal aktar appoġġ mingħand il-milizji u entitajiet oħrajn Libjani, meta l-ISIS għadhom qed jirreżistu f’diversi kwartieri ta’ Sirte. Dan ukoll meta l-awtoritajiet f’xi reġjuni Libjani lejn il-Lvant qed jirrifjutaw li jieħdu sehem fl-offensiva attwali fuq l-ISIS.

Sarraj qed jinsisti li s-suċċess tal-Libjani fuq il-fronti tal-gwerra mal-ISIS jeħtieġ kull għajnuna u, fl-istess ħin qal li l-avvanzi mill-qawwiet leali għall-Gvern tiegħu fil-belt ta’ Sirte ‘ħaqqhom iservu bħala mudell ta’ proġett nazzjonali għal kontra t-terroriżmu’.

Il-qawwiet li qed jappoġġjaw lill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali ilhom jiġġieldu minn Mejju biex iqaċċtu lill-ISIS minn Sirte. Madankollu, qawwa oħra bbażata fil-Lvant tal-Libja – li tinkludi milizji lokali u taqsimiet tal-armata nazzjonali li huma leali għall-Ġeneral Khalifa Haftar – mhumiex jieħdu sehem fl-offensiva fuq it-terroristi.

Dan meta truppi favur il-Gvern għall-Għaqda u taħlita ta’ milizji u fergħat tal-Armata irnexxielhom jieħdu kontroll tal-port u l-ajruport ta’ Sirte. Intant, l-avvanzi naqsu mill-ispinta preċedenti, meta l-ġellieda tal-ISIS qegħdin jiddefendu zoni residenzjali lejn iċ-ċentru u t-Tramuntana tal-belt.

Fi żviluppi oħra, Martin Kobler, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja, sejjaħ investigazzjoni dwar il-qtil ta’ 12-il raġel Libjan li seħħ jiem ilu u wara li huma kienu nħelsu mill-ħabs, fi Tripli.

Il-Libjani maqtula kienu akkużati li ħadu sehem fil-qtil u t-tortura ta’ dimostranti li, fl-2011, ħarġu jipprotestaw kontra l-eksreġim tal-Kurunell Gaddafi.

Il-katavri tal-irġiel instabu f’zoni ta’ Tripli nhar il-Ġimgħa, jum biss wara li huma kienu ngħataw il-libertà. Ingħad li l-vittmi kollha nstabu b’diversi tiri f’sidirhom u f’rashom, u r-Rappreżentant Kobler esprima xokk kbir ‘għal dan ir-reat viljakk’.