L-investigaturi fl-Istati Uniti qed jindagaw rapporti dwar il-movimenti tar-raġel li qatel madwar 50 u ħalla għexieren ta’ feruti waqt l-attakk feroċi ta’ nhar il-Ħadd fuq in-nies li kienu qed jiddevertu ġo nightclub fil-belt ta’ Orlando, fi Florida.
It-terrur fil-Pulse Club intemm meta l-pulizija qatlu lill-aggressur, Omar Mateen – ċittadin Amerikan ta’ nisel Afgan – li kien ingħalaq ġo toilet wara li ħataf numru ta’ persuni bħala ostaġġi.
Issa sar magħruf li Mateen, li kellu 29 sena, iffrekwenta l-Pulse Club diversi drabi qabel il-massakru u kien daħal hemm għall-ewwel darba xi tliet snin ilu. Persuni midħla tan-nightclub li hu frekwentat mill-omosesswali irrakkuntaw li Mateen dejjem kien iġib ruħu sew waqt iż-żjarat tiegħu, iżda jaħsbu li hu, maż-żmien, spiċċa radikalizzat.
Waqt li l-awtoritajiet ma kkummentawx uffiċjalment dwar dawn ir-rakkonti, l-investigaturi qegħdin jindagaw id-dettalji, bl-awtoritajiet isostnu li Mateen kien wiegħed lealtà lill-ISIS ftit qabel l-attakk fin-nightclub.
Intant, komplew iċ-ċerimonji f’Orlando u bliet oħrajn tal-Istati Uniti fejn eluf kbar sellmu lill-vittmi tal-isparatura waqt li jesprimu solidarjetà ma’ qrabathom.
Id-Direttur tal-FBI, James Comey, semma indikazzjonijiet qawwija ta’ radikalizzazzjoni fil-każ ta’ Mateen u li l-qattiel ‘x’aktarx kien ispirat minn terroristiċi barranin’.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Barack Obama qal li l-investigazzjoni qed tkun trattata fuq bażi ta’ terroriżmu, iżda sostna li għad mhemmx iprovi ċari li Mateen qatel lin-nies fin-nightclub fuq direttiva speċifika tal-ISIS. Obama, nhar il-Ħamis, se jżur Orlando biex iwassal il-kondoljanzi personalment lill-qraba tal-vittmi tal-massakru.
//= $special ?>