Deċiżjonijiet ħżiena, l-iskandlu tal-Panama Papers u r-rabtiet li qed isiru ma’ pajjiżi bħar-Russja, l-Ażerbajġan u ċ-Ċina qed jimbarazzaw lill-mexxejja Ewropej ftit xhur qabel ma pajjiżna jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Is-sit elettroniku blastingnews.com, li permezz ta’ numru ta’ ġurnalisti ikopri aħbarijiet minn madwar id-dinja, b’mod partikolari mill-Ewropa, f’artiklu dettaljat ta ħarsa lejn id-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar tliet snin il-Gvern Malti, immexxi minn Joseph Muscat.
Is-sit jagħmel referenza għal sehem Malta fil-Panama Papers b’isem il-Ministru Konrad Mizzi, l-uniku Ministru Ewropew li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, u anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Iqabbel kif il-Prim Ministru Iżlandiż irriżenja minnufih u l-Prim Ministru Ingliż baqa’ jevita milli jirriżenja minħabba s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż kawża tar-Referendum dwar il-futur tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, minkejja d-diversi protesti, appelli u voti ta’ sfiduċja li saru, dawk qrib Muscat baqgħu f’posthom bil-barka tal-Prim Ministru nnifsu.
Is-sit elettroniku nnota kif mill-Panama Papers irriżulta li l-kumpanija tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Panama ġiet trasferita lejn New Zealand fit-22 ta’ Lulju 2015, jiġifieri fl-istess jum li l-Gasol biegħet l-ishma kollha tagħha fil-Konsorzju Electrogas, li għandu jibni l-Power Station il-ġdida.
Minn fuq, jgħid is-sit, il-Ministru Mizzi u Keith Schembri heddew diversi drabi b’libelli minflok ma wieġbu għal għemilhom u għal deċiżjonijiet kontroversjali li ħa l-Gvern fl-aħħar tliet snin.
Dan wassal għar-riżenja tar-raba’ Kummissarju tal-Pulizija taħt il-Gvern ta’ Muscat, hekk kif skont is-sit elettroniku, it-tmexxija tal-Pulizija f’Malta qisha dik f’pajjiżi fejn m’hemmx demokrazija kompluta għax il-politiċi ma jiġux investigati, lanqas f’każ estrem bħal dan.
Is-sit jagħmel referenza għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur finanzjarju, li sa ftit tas-snin ilu rnexxielna nġibuh wieħed trasparenti kif kien meħtieġ biex pajjiżna seta’ jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Iżda issa, appena isem pajjiżna rriżulta fil-Panama Papers, dan is-settur spiċċa mtappan, tant li għandu bżonn linja politika ġdida.
Għaldaqstant, itemm jgħid is-sit elettroniku tal-aħbarijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell qed jappellaw lill-Gvern biex ibiddel l-istil politiku tiegħu qabel il-bidu tal-Presidenza Ewropea f’Jannar li ġej. L-istituzzjonijiet qed iħossu li mhux xieraq li l-Presidenza tkun f’idejn pajjiż li għandu Gvern mimli skandli finanzjarji.
Skont dan is-sit elettroniku, l-istituzzjonijiet Ewropej qed jappellaw b’qawwa lill-Prim Ministru Muscat biex ineħħi immedjatament lil dawk involuti f’dawn l-iskandli, filwaqt li jmur għal elezzjoni bikrija sal-aħħar tal-2016.
B’hekk, Malta tmur għall-Presidenza Ewropea bi Gvern ġdid li jkollu mandat frisk mill-poplu … Gvern li jkun kredibbli u kapaċi jirrappreżenta lill-pajjiż mal-kumplament tal-mexxejja Ewropej.
//= $special ?>