Lokali Parlament

Indħil politiku u diskriminazzjoni fit-tmexxija ta’ San Vincenz de Paul

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem fil-Parlament dwar diskriminazzjoni u ndħil politiku fit-tmexxija tar-Residenza San Vincenz de Paul u wissa li ebda attakk kontrih mhu se jżommu milli jkompli jitkellem fuq id-drittijiet tal-anzjani u kontra l-mod li bih qed jiġu trattati ċertu ħaddiema li jagħtu servizz f’dan is-settur u li huma demotivati.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, li dak li qed isir f’San Vinċenz de Paule qed joħloq inkonvenjenzi kbar lir-residenti li juri nuqqas ċar ta’ rispett. F’din ir-residenza hemm madwar 1,000 resident u kważi l-istess numru ta’ ħaddiema li jieħdu ħsieb is-servizzi meħtieġa.

Robert Cutajar qal li ħaddiema li mhumiex motivati ma jistgħux jagħtu l-aħjar servizz. Jekk il-ħaddiema se jibqgħu jaraw diskriminazzjoni ma jistgħux iħossuhom motivati. Hemm lifters u apparat tal-arja kundizzjonata li mhumiex jaħdmu. Għalkemm wieħed jista’ jaħseb li dawn huma nuqqasijiet żgħar, mhumiex hekk għal min irid ibati minnhom. Filwaqt li hu tajjeb li jsiru attivitajiet ta’ team building, ma jistgħux isiru azzjonijiet li jiddemotivaw ħaddiema.

Tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari ma jirriflettux il-verità
Robert Cutajar irrefera għal risposti li ngħataw għal domandi parlamentari u sostna li dawn ma jirriflettux il-verità. Id-Deputat Nazzjonalista ppreżenta ritratti li juru xogħol ta’ rimi ta’ skart li juru li ma ttieħdu ebda miżuri biex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li ritratti oħra juru li fis-Sala Rużar Briffa numru 1, kien għad hemm sodod ta’ pazjenti waqt li kienu qed jitneħħew soffitti. Hu ppreżenta wkoll ritratti li juru li sodod tħallew fil-foyer tal-kumpless.

Kundanna għal kummenti li saru minn Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija tal-Gvern fuq post ta’ Facebook
Robert Cutajar kkundanna kummenti li saru kontrih minn Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija tal-Gvern fuq post ta’ Facebook.
Id-Deputat Nazzjonalista appella lill-Ministru responsabbli, u lill-unions, biex jaraw kif ikun trattati l-ħaddiema lil hinn mill-politika.