L-uffiċjali u attivisti wara l-kampanja biex ir-Renju Unit ikompli fl-Unjoni Ewropea appellaw biex il-poplu joqgħod attent dwar il-wiegħdiet li ‘l-fondi jkunu investiti aħjar’ jekk il-Britanniċi jivvutaw biex joħorġu mill-UE waqt ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju.
Il-messaġġ tal-kampanja Remain hu wieħed ċar, bl-attivisti jwissu li ‘ l-ekonomija tar-Renju Unit titkisser’ b’vot biex il-Britanniċi jispiċċaw mill-UE. F’dan ix-xenarju anki jkunu implimentati qtugħ fl-infiq pubbliku bħala ‘konsegwenza naturali’.
Intant, il-mexxejja ta’ wħud mill-akbar trade unions fir-Renju Unit iffirmaw ittra fejn esprimew inkwiet li ‘t-tluq mill-UE għandu jfisser diżastru għall-ħaddiema Britanniċi’.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, kien qed jaħseb biex jappella ‘lill-moviment kollu ta’ Laburisti’ biex jappoġġja l-kampanja Remain bil-għan li r-Renju Unit ma jwaqqafx l-isħubija fl-UE. Dan meta l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema jistgħu jispiċċaw mhedda f’każ li l-attivisti tal-kampanja Leave jilħqu t-tragwardi tagħhom fir-referendum storiku.
Xi Ministri Britanniċi li qed jappoġġjaw il-kampanja Leave qalu li s-setturi li jirċievu fondi mill-UE għandhom jieħdu l-istess flus f’każ li r-Renju Unit jivvota biex joħroġ. Huma qalu li l-funding projects għal setturi bħall-biedja, ix-xjenza, u l-kultura ‘jitkomplew sal-2020’ , b’uħud isostnu li l-Gvern ta’ Londra ‘ikollu aktar għażliet wara Brexit’ meta ‘l-flus ma jkunux problema’.
Iżda osservaturi innutaw li n-nies wara l-kampanja Leave m’għandhomx il-poter biex jagħmlu l-wiegħdi dwar l-infiq pubbliku, anki jekk l-attivisti qed jippruvaw jaċċertaw lir-riċipjenti tal-fondi tal-UE li ‘jistgħu jserrħu rashom mill-flus li huma qed jirċievu bħala membri attwali tal-Unjoni’.
L-eks Kanċillier Britanniku għall-Finanzi u l-Ekonomija, Alistair Darling, tenna li ‘kważi kull espert ekonomiku qal li l-ekonomija Britannika ssofri’ li kieku l-poplu tar-Renju Unit kellu jivvota kontra l-isħubija fl-UE.
Hu kompla li l-attivisti mal-Leave kellhom iwarrbu wiegħdi dwar ‘l-ispinta fl-infiq għall-Britanniċi’ wara li użaw ċifri qarrieqa u nqabdu jwiegħdu ‘għaxar darbiet aktar ġid milli possibbli’ f’każ ta’Brexit.
//= $special ?>