Internazzjonali

L-ebda konferma uffiċjali li ‘inqatel’ il-Kap tal-ISIS

L-Istati Uniti u membri oħra tal-koalizzjoni anti-ISIS ma kkonfermawx rapporti li qalu li l-Mexxej tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi, ‘spiċċa maqtul’ waqt rejd tal-ajru mill-qawwiet Amerikani fuq il-belt Sirjana ta’ Raqqa li hi l-‘kapitali’ tal-Kalifat li l-grupp terroristiku irnexxielu jiżviluppa tul is-snin fis-Sirja u l-Iraq.

Kienet il-gazzetta rispettata Torka, Yenis Safak, li rrappurtat dwar il-qtil u jekk dan tassew hu minnu, it-telfa ta’ Baghdadi għandha tfisser daqqa ta’ ħarta kbira lill-ISIS.

Iż-żmien li qed jissemma l-allegat qtil hu wkoll sinifikanti, meta l-Istati Uniti u d-dinja għadhom ixxukkjati dwar il-qtil ta’ għexieren ta’ nies, f’nightclub ta’ Orlando, minn raġel armat li kien wiegħed lealtà lill-ISIS.

Sorsi oħrajn, sadanittant, ħarġu b’dettalji differenti fejn intqal li ‘al-Baghdadi spiċċa maqtul, waqt il-ħames jum tar-Ramadan, fil-belt ta’ Mosul, fl-Iraq,’ li hi wkoll fortizza tal-ISIS. F’dan il-każ, qawwiet tas-sigurtà Iraqqin tennew li ‘ajruplani tal-gwerra tal-Iraq laqtu l-konvoj ta’ Baghdadi waqt li kien miexi lejn Karbala fejn kellha ssir laqgħa tal-kapijiet terroristiċi tal-ISIS’.

Iżda l-Kurunell Chris Garver, kelliem għall-koalizzjoni anti-ISIS, qal li għalkemm ra dawn ir-rapporti ‘hu ma kellu xejn x’jikkonferma li dan kien tassew minnu’.

Din mhix l-ewwel darba li ħarġu rapporti fis-sens li al-Baghdadi – li sentejn ilu ħabbar lilu nnifsu bħala ‘il-Kalif tal-Musulmani kollha’ – spiċċa midrub waqt xi azzjoni. Lanqas ma naqsu l-istejjer u l-ispekulazzjoni dwar ‘mewtu’.

Filwaqt li sors ieħor, il-websajt Abna24, sostna li al-Baghdadi ‘kien inqatel nhar il-Ħadd filgħodu waqt attakk fis-Sirja’, il-koalizzjoni anti-ISIS li qed tmexxi l-Istati Uniti baqgħet ma kkummentatx.

Minbarra dan, kelliema għall-Pentagon f’Washington qalu li ‘ma kenux konxi li setgħu nqatlu xi elementi ta’ valur kbir li huma affiljati mal-ISIS’.