Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, ikkritika għal darb’oħra fil-Parlament l-aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija li mhux lest jinvestiga l-iskandlu internazzjonali marbut mal-Panama Papers.
Fid-dibattitu dwar ir-riformi ppjanati fis-sistema taċ-ċertifikat tal-kondotta, li għandha tkun waħda li toffri t-tieni opportunità lill-persuni li jkunu żbaljaw, Beppe Fenech Adami spjega li kull min iwettaq reat hemm l-obbligu tal-pulizija li tipproċedi kontrih u jitressaq il-qorti, kif jiġri b’mijiet ta’ persuni li jxellfu jdejhom mal-ġustizzja u jittressqu l-Qorti.
Ikkritika iżda, li fil-pajjiż hawn Korp tal-Pulizija li jieħu passi kriminali fil-konfront taċ-ċittadin komuni li jkun kiser il-liġi, iżda ma jiċċaqlaqx quddiem allegazzjonijiet serji kontra ċertu persuni.
Beppe Fenech Adami qal li dan hu gvern li għandu l-ħames Kummissarju tal-Pulizija li kien appuntat ftit ilu u li hu l-Kummissarju li sal-lum għadu ma bagħatx is-sinjal li hu lest li jinvestiga stejjer b’rapporti serji tal-aħħar tliet xhur meta seħħ l-aħħar skandlu fl-istorja riċenti tal-bniedem – l-iskandlu tal-Panama Papers.
Semma kif f’dan l-iskandlu kienet mikxufa skema kif persuni jwaqqfu kumpaniji barra l-pajjiż li jintużaw għall-ħasil tal-flus li ġejjin mit-tixħim. Dawn huma stejjer kbar ta’ korruzzjoni. Malta daħlet fiha għaliex il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabu fil-Panama Papers. Mal-ġimgħat, ħarġu wkoll stejjer li f’pajjiiż normali l-pulizija qed tinvestiga.
Il-Gvern fadallu ħafna x’jaqdef biex jeqred il-burokrazija fid-dipartimenti kollha tal-gvern
Dwar l-Abbozz ta’ liġi li jintroduċi l-fakultà li ċ-ċertifikat tal-kondotta jista’ jinkiseb b’mezzi elettroniċi billi dan jintbagħat f’indirizz, Beppe Fenech Adami qal li din waħda mill-wegħdi elettorali tal-Partit Laburista u hi pass fid-direzzjoni t-tajba. Dan jista’ jsir grazzi għall-modernizzar kbir li kien sar fis-sistemi ta’ komputerizzazzjoni u tat-teknoloġija moderna.
Minkejja li l-Gvern għamel il-wegħda li jnaqqas il-burokrazija, irrimarka li llum il-pajjiż għad għandu sistemi burokratiċi li jxekklu n-negozji u liċ-ċittadini. Fil-pajjiż għad hawn ħafna dipartimenti li ma jaqdux liċ-ċittadini; problema li ġġib magħha l-klijentaliżmu.
Irrimarka wkoll li l-Gvern fadallu ħafna x’jaqdef biex jeqred il-burokrazija fid-dipartimenti kollha tal-gvern. Iċ-ċertifikat tal-kondotta hu ċ-ċavetta biex persuna jirnexxi fis-soċjetà.
Is-soċjetà għandha tirrikonoxxi u taċċetta persuni li jkunu ġew riabilitati wara li wettqu reat
Beppe Fenech Adami qal li ħafna persuni li jkunu wettqu reati fil-passat jibqa’ jkollhom dawn ir-reati jidhru fil-kondotta anki wara li l-persuni jkunu ħadu l-kastig għal dak li għamlu. Għad hawn problema fil-pajjiż bil-mentalità li persuna li tkun wettqet reat tibqa’ mċappsa bih għal għomorha. Jirriżulta li aktar minn 80 fil-mija li jkunu qed ifittxu persuni għall-impjieg jirrifjutaw persuni li jkollhom kondotti negattivi.
Tkellem ukoll dwar l-importanza tar-riabilitazzjoni u kif is-soċjetà għandha tirrikonoxxi li l-persuni jkunu ġew riabilitati. Minkejja r-riabilitazzjoni donnu s-soċjetà Maltija għad mhix lesta biżżejjed biex taċċetta lil dawn il-persuni lura fis-soċjetà. Jirriżulta li persuni riabilitati li jkunu qed ifittxu x-xogħol isibu l-bibien magħluqa meta dawn jippreżentaw il-kondotta.
//= $special ?>