Għawdex

Multa għax m’għamilx il-breathalyser iżda liberat mill-akkuża ta’ sewqan perikoluż

L-eks Sindku tar-Rabat Għawdex Samwel Azzopardi ġie mmultat 2,000 ewro u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sitt xhur wara li l-Qorti ta’ Għawdex sabitu ħati li saq taħt l-influwenza tax-xorb u li ma għamilx il-breathalyser. Il-każ kien seħħ fis-17 ta’ April li għadda.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti lliberat lil Azzopardi mill-akkuża ta’ sewqan perikoluż. Hu ma nstabx ħati lanqas li kkaġuna ħsara involontarja fuq vettura oħra, kif ukoll li kkaġuna feriti ħfief fuq raġel ta’ 49 sena.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li s-sentenza tal-Qorti ma għandiex ittellef lil Azzopardi mill-ħidma politika u soċjali tiegħu.

Wara l-inċident, Azzopardi kien issospenda lilu nnifsu minn Sindku u anke mill-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal din is-sentenza, il-Partit Nazzjonalista qal li wara d-dikjarazzjoni ċara tal-Maġistrat Joe Mifsud, jiġifieri li l-inċident ma għandux itellef mill-ħidma politika, kulturali u soċjali li jwettaq Samuel Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista rtira b’effett immedjat is-sospensjoni ta’ Samwel Azzopardi u reġa’ nnominah għall-kariga ta’ Sindku tar-Rabat Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li l-każ ta’ Samwel Azzopardi hu eżempju ċar ta’ kif għandhom jimxu persuni f’karigi pubbliċi, kif ukoll il-mod kif partit politiku għandu jmexxi bl-eżempju.

U fi stqarrija separata, Samwel Azzopardi laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li jneħħi s-sospensjoni tiegħu. Hu tenna l-impenn tiegħu li jibqa’ jaħdem bl-enerġija kollha tiegħu favur ir-residenti tar-Rabat Għawdex.