Waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, John Camilleri, Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund, uffiċċjalment ħabbar li l-plejer ta’ fama mondjali Paulo Dybala li preżentement jilgħab mat-tim Taljan tal-Juventus, ser ikun qiegħed iżur Malta – żjara li matula ser ikun qiegħed iżur djar tat-tfal u ser jattendi għal ikla li ser ssir ġewwa l-Palazz Verdala.
L-ikla ser issir nhar is-Sibt, 25 ta’ Ġunju u tibda fit-tmienja ta’ filgħaxija, bi programm vast għall-gosti ta’ kulħadd. Waqt dan l-avveniment ser tittella’ anke lotterija fejn dawk preżenti jistgħu jirbħu ammont ta’ memorabilia esklussiva.
Il-prezz huwa dak ta’ €80 u jinkludi ikla buffet, inbid u ilma flimkien ma T-Shirt kommemorattiv għal kulħadd. Ser tkun qed tingħata wkoll ‘photo-card’ iffirmata lil kull min jattendi, flimkien ma’ biljett tad-dħul li dak li jkun jista’ jżommu bħala tifkira. Opportunita’ unika li żgur wieħed m’għandux jitlef hija l-okkażjoni ta’ ritratt fi gruppi mal-“player” innifsu.
Il-biljetti huma limitati u għal aktar informazzjoni jew għall-booking jista’ jsir kuntatt fuq 21226226.
Għal min hu membru tal-clubs rispettivi tal-Juventus f’Malta u Għawdex, jista jirrikori għall-biljetti hemm ukoll.
Fl-aħħarnett, John Camilleri rringrazzja lill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Italja, l-E.T. Vanessa Frazier, lil Paulo Dybala, lill-Aġent tiegħu u d-delegazzjoni tiegħu, lill-Presidenti tal-4 ‘fanclubs’ Juventini f’Malta u f’Għawdex tal-kontribut u l-għajnuna kontinwa tagħhom, u lill-benefatturi u sponsors tal-għajnuna li dejjem joffru.
Il-qligħ minn din l-attivita’ ser imur b’risq The Malta Community Chest Fund.
//= $special ?>