Lokali

Problema għal min iħaddem li qed tiġi njorata

Il-Kamra Maltija għall-Kummerċ issostni li hu inġust u inaċċettabli li min iħaddem ma jkunx infurmat, u lanqas l-Awtoritajiet ma jkunu nfurmati, b’xi forma ta’ diżabilita’ li jkollha dik il-persuna li jkun se jimpejga jew saħansitra li diġa’ jkun impjega.

Konsegwena ta’ dan, min ikun impjega lil dik il-persuna jispiċċa jgħaddi minn responsabilita’ żejda li setgħet tkun evitata. Dan il-punt kien trattat mill-Kamra tal-Kummerċ anke waqt diskussjoni, din il-ġimgħa, fi ħdan l-MCESD, il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali

Fi stqarrija il-Kamra tal-Kummerċ qalet li mingħajr dubju tifhem li l-individwu jagħżel li ma jagħtix informazzjoni sensittiva u personali lill-Awtoritajiet iżda mbgħad, m’għandux ikun min iħaddem li jkollu jġorr il-piż u r-responsabilita’ ta’ dik id-deċiżjoni minn naħa tal-individwu.

L-istqarrija tgħid li f’każi bħal dawn min iħaddem ma jkunx jaf l-istat mentali jew fiżiku tal-persuna u għallura l-Awtoritajiet m’għandhomx jistennew li min jimpjega jkollu jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa b’mod partikolari fil-qasam ta’ Saħħa u Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ tkompli tgħid li hu diżappuntanti li materja sensittiva u serja bħal ma hi din ma ġietx trattata waqt il-Jobs Plus Legislation. Għalhekk tispera li l-Awtoritajiet ma jiħdux aktar żmien biex jindirizzaw din il-problema u għalhekk appellat sabiex is-suġġett ikun diskuss fi ħdan l-Employment Relations Board.