Internazzjonali

Protesti vjolenti fi Franza dwar il-liġi għar-riforma tax-xogħol

Protesti fi Franza dwar abbozz ta’ liġi għal riformi fis-settur tax-xogħol wasslu għal sensiela ta’ inċidenti vjolenti, b’numru ta’ nies jindarbu waqt li l-pulizija wettqu diversi arresti.

Eluf ta’ dimostranti kienu ltaqgħu f’Pariġi waqt li l-kamra ta’ fuq tal-Parlament Franċiż mexxiet dibattitu dwar il-bidliet fil-liġijiet għall-ingaġġ ta’ ħaddiema.

Intant, iz-zona madwar l-Eiffel Tower ingħalaq, b’dan il-monument famuż ukoll jibqa’ magħluq wara strajk mill-membri tal-istaff.

Il-liġi ġdida li tant qajjmet kontroversja fi Franza tagħmilha eħfef biex l-intrapriżi u l-ażjendi li jħaddmu jqabbdu u jkeċċu lill-ħaddiema. Il-liġi anki taċċerta li s-sistema li tillimita s-sigħat tax-xogħol issir aktar flessibbli.

Intant, studenti u diversi unions qed jorganizzaw protesti madwar Franza, fost ġimgħat ta’ azzjonijiet industrijali. Il-ħaddiema man-network tal-ferroviji u x-xufiera tat-taxi wkoll qegħdin jingħaqdu fl-azzjonijiet ta’ protesta kontra r-riformi kontroversjali fil-liġi tax-xogħol.