Lokali

Setgħet ġietu agħar wara ħabta kerha ma’ żewġ siġar fl-Imrieħel

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħal Qormi sofra xi feriti wara li kien involut f’ħabta kerha fi Triq Notabile fl-Imrieħel. Kawża tal-impatt, partijiet mill-karozza nqalgħu mill-karozza u saħansitra tkaxkru għal diversi metri.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li għall-ħabta tal-4.45pm, waqt li kien qed isuq il-vettura tiegħu, tat-tip Peugeot 607, għal xi raġuni ż-żagħżugħ skidja u tilef il-kontroll. Kawża ta’ dan, il-karozza messet ma’ siġra li hemm fuq is-central strip qabel ma waqfet ma’ siġra oħra.

Bl-impatt, partijiet mill-karozza nqalgħu minn posthom, fosthom il-magna li nstabet numru ta’ metri ‘l bogħod. Barra minhekk, partijiet oħra tal-karozza laqtu vettura oħra li kienet għaddejja mill-karreġġjata opposta. Sidt din il-vettura, tat-tip Vitz, kellha tingħata l-kura fil-post minħabba li sofriet minn xokk.

Min-naħa l-oħra, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għenu liż-żagħżugħ joħroġ mill-vettura tiegħu. Tim mediku tah l-ewwel għajnuna qabel ma ħadu l-Isptar permezz ta’ Ambulanza. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa, għalkemm is-sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-kundizzjoni tiegħu ma tidhirx li hi gravi.

Incident Imriehel 2 140616