Raġel li, matul il-lejl tat-Tnejn, wettaq qtil brutali ta’ żewġ pulizija Franċiżi – mara u raġel li kienu jgħixu flimkien bħala koppja – ġewwa d-dar tagħhom ‘kien qed iwieġeb għas-sejħa speċifika tat-terroristi tal-ISIS’.
Dan qaluh il-pulizija fi Franza li qed jinvestigaw id-delitt doppju f’Magnanville, qrib ta’ Pariġi, fejn l-aggressur responsabbli wkoll spiċċa maqtul waqt sparatura mal-pulizija.
Ingħad li t-terrorista, identifikat bħala Larossi Abballa, ta’ 25 sena, kien leali għal Abu Bakr al-Baghdadi, il-Mexxej tal-ISIS, bir-rapporti jgħidu wkoll li Abballa, fl-aħħar ġimgħat kien tpoġġa taħt is-sorveljanza tal-pulizija.
Intant, il-qtil doppju f’Magnanville ixxokkja bil-kbir lill-Franċiżi meta pajjiżhom, bħalissa, qed jilqa’ l-logħob tal-Euro 2016. Dan waqt li l-President Franċiż, Francois Hollande, ifisser l-attakk fuq il-Pulizija u s-sieħba bħala azzjoni terroristika indiskutibbli.
Ir-rapporti dwar ir-reat qalu li Abballa spiċċa jattakka kmandant tal-pulizija barra d-dar tiegħu fejn qatlu b’daqqiet ta’ sikkina. L-aggressur, imbagħad daħal fid-dar fejn ħataf lis-sieħba tal-pulizija, ukoll membru tal-korp, u tfajjel bħala ostaġġi. Il-mara nstabet mejta aktar tard iżda t-tfajjel, li għad għandu tliet snin, baqa’ qawwi u sħiħ.
L-aggressur, sigħat wara, tilef ħajtu waqt offensiva tal-pulizija fuq l-istess dar f’Magnanville u wara li hu kien bagħat filmat live fuq Facebook fejn ħalef lealtà lill-ISIS. F’dan il-video li ħareġ ftit qabel mewtu, it-terrorista anki uża kliem ta’ theddid b’referenza għal-logħob tal-futbol tal-Euro 2016.
Magħruf ukoll li l-qattiel kien għamel xi żmien il-ħabs għal rabtiet li kellu mal-gruppi tal-ġellieda Iżlamiċi.
Il-President Hollande reġa’ wissa li Franza għadha tiffaċċja theddida ta’ terroriżmu sinifikanti, meta fl-aħħar xhur baqgħet tosserva stat ta’ emerġenza wara l-attakki ta’ Novembru mill-ISIS, f’Pariġi, li rriżultaw f’130 maqtula u għexieren ta’ midruba.
Skont l-aħħar rapporti almenu tlett persuni li għandhom ir-rabtiet ma’ Abballa spiċċaw arrestati u qed jgħinu lill-uffiċjali tal-liġi bl-istħarriġ tagħhom.
//= $special ?>