Lokali

FILMAT: Alfred Mifsud qed jiġi investigat

Il-Ministeru tal-Finanzi qed jinvestiga allegazzjonijiet li ħarġu fl-aħħar jiem dwar id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alfred Mifsud. Dan skont sorsi kwotati illum mill-ġurnal Times of Malta.

L-allegazzjonijiet saru fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn intqal illi Alfred Mifsud irċieva eluf f’cash mingħand negozjant fiż-żmien meta hu kien chairman tal-bank Mid-Med bejn l-1996 u l-1998. Dan in-negozjant kien jirrapreżenta kumpanija Amerikana li tqabbdet mill-istess bank biex tbiddel is-sistema tal-IT.

Alfred Mifsud mistenni jinħatar mill-Gvern biex imexxi l-Bank Ċentrali ta’ Malta mill-bidu tax-xahar id-dieħel. U kien għalhekk illi d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, f’diskors fil-Parlament, għamlet referenza għal din il-kontroversja.

Hija spjegat li din il-kariga tant sensittiva iġġorr isem Malta fl-istituzzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Debono qalet illi wara l-iskandlu tal-Panama Papers, pajjiżna ma jistax jidħol f’kontroversja ġdida minħalla l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

“Ma jistax ikun li fuq din il-kariga tant sensittiva inġibuha ħażin ukoll”, qalet Kristy Debono.

Hi qalet illi jekk dawn l-allegazzjonijiet ma jiġux indirizzati bis-serjeta’ u jitneħħew id-dubji kollha fuq dan il-każ ta’ Alfred Mifsud, pajjiżna qed jirriskja illi għal darb’oħra fuq settur tant delikat nerġgħu nispiċċaw fil-media internazzjonali għar-raġunijiet il-ħżiena.

Kristy Debono saħqet illi biex jiġu iċċarati l-fatti, mhux biżejjed illi Mifsud sempliċiment jiċħad dawn l-akkużi. Jeħtieġ li l-Ministru tal-Finanzi jagħti serħan tal-moħħ f’ġieħ il-kredibbilta’ ta’ pajjiżna fil-qasam tas-settur finanzjarju, qalet id-Deputat Nazzjonalista.

Debono sostniet illi wasal il-mument li l-Ministru jieħu azzjonijiet li huma diffiċli. U saqsiet jekk hux komdu l-Ministru Scicluna b’dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-persuna nominata minnu biex imexxi l-Bank Ċentrali ta’ Malta.