Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’ħidma kontinwa biex jipreveni l-abbuż fuq l-anzjani

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-Jum Dinji ddedikat għall-Ħarsien mill-Abbuż fuq l-Anzjani li qed jiġi ċċelebrat illum, filwaqt li jinsisti li dan il-ħsieb m’għandux jiġi mfakkar biss illum, iżda f’kull ġurnata matul is-sena. Il-vjolenza fuq l-anzjani mhix biss dik fiżika, iżda tikkonsisti wkoll f’diskriminazzjoni mal-anzjani kif ukoll f’nuqqasijiet oħra relatati mad-dinjità u r-rispett lejn l-istess anzjani.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Familja u d-Drittijier tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilita’, il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħasra li fl-aħħar ftit snin rajna tnaqqir fis-servizzi mogħtija mill-Gvern lill-anzjani tagħna, fost l-oħrajn fil-Home Help u l-Meals on Wheels. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn is-servizz mhux talli m’għandhomx jitnaqqru, iżda għandhom jittejbu u jissaħħu.

Għall-Partit Nazzjonalista, s-settur tal-anzjani m’għandux ikun ippolitiċizzat, tant li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni vvota mal-Gvern għal diversi liġijiet dwar l-anzjani, fosthom dawk li jiħraxu l-pieni fejn tidħol vjolenza fuq l-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti għall-ogħla standards fil-homes tal-anzjani, kif ukoll fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul. F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista lest li jappoġġja kull inizjattiva pożittiva b’risq l-anzjani, kemm bħala Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva, kif ukoll bħala Gvern alternattiv.

Fl-aħħar nett, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha f’pajjiżna, kif ukoll il-ħaddiema kollha li b’xi mod imissu mas-settur tal-anzjani, kemm dawk li jaħdmu maċ-ċivil kif ukoll dawk li jaħdmu mal-privat.