L-investituri barranin li se jiehdu t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ħabbru laqgħa ta’ malajr li saret nhar it-Tlieta, ftit biss wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab laqgħa mal-ħaddiema.
Il-laqgħa kienet waħda li tħabbret ta’ malajr u l-ħaddiema tqassmu f’ħinijiet differenti u fi gruppi differenti għalkemm xorta waħda stajna nindunaw li wħud mill-ħaddiema spiċċaw jisimgħu l-laqgħa mill-kurituri.
Laqgħa li kienet imħabbra biss ftit ħin wara li l-Partit Nazzjonalista nforma lill-ħaddiema li l-Ħamis li ġej il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jiltaqa’ magħhom biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaqsmu t-tħassib tagħhom filwaqt li jisimgħu l-proposti li għandu x’joffrilhom.
Fost dawk li attendew kien hemm ukoll Sri Ran Tumuluri, li ntagħżel mill-Gvern biex jieħu f’idejh dan l-uniku sptar li hemm f’Għawdex.
Tumuluri kien diġa’ ltaqa’ mal-ħaddiema fi żjara b’sorpriża lura f’Novembru li għadda, iżda minn dakinhar id-dettalji għall-ħaddiema kienu bażiċi.
Lanqas dakinhar ma ngħataw dettalji lill-ħaddiema, u ftit xhur qabel kellhom ikunu l-unions tal-ħaddiema stess li jitolbu li ssir laqgħa mal-gvern biex ikollhom idea ta’ x’kien qed jiġri f’dan il-proċess biex l-Isptar t’Għawdex jinbiegħ.
Minkejja din l-aħħar laqgħa, il-ħaddiema li tkellmu ma’ dan l-istazzjon xorta waħda wrew it-tħassib tagħhom għal dak li qed iseħħ u stqarrew li xorta waħda għandhom ħafna dubji.
//= $special ?>