Lokali

Iweġġa’ wara li waqa’ f’shaft ta’ blokka appartamenti fil-Manikata

Ħaddiem ta’ 47 sena minn Bormla weġġa’ wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari għal ġo shaft f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Manikata.

Jirriżulta li l-każ seħħ għall-ħabta ta’ 12pm meta r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol fil-blokka ta’ appartamenti li tinsab fi Triq il-Fuħħar.

Fil-post, ir-raġel kien mgħejjun minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jinħareġ mix-shaft, filwaqt li tim mediku tah l-ewwel għajnuna. Hu ttieħed l-Isptar għal aktar kura.

Hemm, hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, iżda fortunatament ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.