L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llejla ħarġet ‘il barra mill-Parlament minħabba li l-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi spiċċa jippreżenta l-Estimi ta’ dħul u nfiq tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
L-Oppożizzjoni ddikjarat li qed tieħu dan il-pass għax ma tirrikonoxxix lil Konrad Mizzi bħala l-Ministru responsabbli mill-qasam tal-ilma. Il-Membri tal-Oppożizzjoni mistennija jibqgħu barra mill-Plenarja sakemm idum jitkellem il-Ministru Mizzi.
Deher fiċ-ċar li l-Gvern inqabad fuq sieq waħda f’dan id-dibattitu, għaliex il-Kelliema tal-Gvern spiċċaw jirreferu għal suġġeti oħrajn, minflok l-estimi tal-ilma.
Konferma kemm ir-reshuffle ta’ Joseph Muscat kien farsa – il-PN
Jekk qatt kien hemm bżonn konferma ta’ kemm ir-reshuffle ta’ Joseph Muscat f’April li għadda kien farsa, dak li seħħ fil-Parlament illejla jikkonferma dan.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li nnota kif fil-Parlament, Konrad Mizzi ppreżenta Mozzjoni dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma meta hu m’huwiex il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-Ilma. Mhux biss, iżda Konrad Mizzi għamel anke d-diskors tal-ftuħ meta dan suppost isir mill-Ministru responsabbli.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Konrad Mizzi ppretenda li jkompli għaddej kif kien qabel u daqs li kieku kollox kien ‘business as usual’. Dan minkejja li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, it-Trust sigriet fi New Zealand u għamel attentati biex jiftaħ kont bankarju madwar id-dinja kollha biex fih ipoġġi s-senserija.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li dan ifisser li r-reshuffle ta’ Muscat ma kien xejn ħlief farsa jew ‘messa in scena’. Konrad Mizzi mhux talli ma nbidillu xejn, iżda talli baqa’ jmexxi l-Enerġija, id f’id mal-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li ma tirrikonoxxix il-leġġittimità ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u telqet ‘il barra mill-Kamra, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>