Il-mument li tieqaf tkun innovattiv, tkun tlift ċans kbir li tibqa’ kompetittiv. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel f’San Ġwann lill-kumpanija Ozone, li taħdem fil-qasam tat-telekomunikazzjoni mmirata għan-negozji.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fis-settur tan-negozju hu vitali li dejjem tipprova tkun pass ‘il quddiem minn kumpaniji oħra li jaħdmu fl-istess settur tiegħek. Dan hu dak li tagħmel il-kumpanija Ozone, li ilha taħdem fil-qasam għal dawn l-aħħar 20 sena. Matul dawn is-snin, il-kumpanija dejjem għarfet l-isfidi li joffri s-settur tal-infrastruttura tekonoloġika.
Simon Busuttil qal li madwar 20 sena ilu, dan il-qasam kien wieħed impossibbli. Madankollu, Gvern Nazzjonalista kellu viżjoni u ħass li s-suq kellu jkun liberalizzat. Minn dik il-viżjoni, illum il-ġurnata qed igawdu diversi negozji, bħalma hi l-kumpanija Ozone.
Min-naħa tiegħu, wieħed mid-Diretturi tal-kumpanija Robert Runza qal li fl-aħħar snin investew fin-network tagħhom biex ikunu jistgħu jkomplu joffru s-servizz lil aktar minn 1,000 negozju.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Kristy Debono u Clyde Puli, kif ukoll il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali John Baptist Camilleri.
//= $special ?>

