BLOGS

Pretensjoni jew ossessjoni?

Jekk wara d-daħk jiġi l-biki, għandi nifhem li wara l-biki għandu wkoll jiġi d-daħk, jew hekk hu xieraq li nifhmu. Hu ż-żmien tas-sena li fih id-dominju tal-eżamijiet inissel element żejjed ta’ stress fl-istudenti, u aktar minn hekk fil-ġenituri li wliedhom jattendu l-primarja u s-sekondarja.

Minkejja li diversi studji jikkonfermaw li hemm relazzjoni bejn l-eżamijiet u l-istudenti, ikun tajjeb li nippruvaw niddeterminaw liema huma l-aktar punti li minħabba fihom, potenzjalment jiġi kkawżat l-istress, għaliex diversi studji jikkontradixxu li mhux f’kull każ hemm din ix-xorta ta’ relazzjoni. L-ewwel nett tajjeb li nifhmu li hu naturali fil-bniedem li jkun anzjuż u stressjat meta jkun għaddej minn mument li jfixkel ir-rutina solita, u għaldaqstant, hu aċċettabbli, li fi żmien tal- eżamijiet, meta l-istudenti jkunu kkonċentrati biss fuq l-istudju, jgħaddu minn pressjoni ta’ sterss u anzjetà li saħansitra tista’ tkun evitata.

L-aspettattiva tal-għalliema
L-aktar kawża li tinkwetani, anke mil-lat bħala professjonist fil-qasam, hi l-aspettattiva tal-għalliema li jippretendu lill-istudenti jreġgħu lura t-tagħlim ta’ matul is-sena. Sa hawnhekk ma hawn xejn ħażin, għaliex finalment dan hu l-għan wara kull sillabu. Madakollu, inħoss li qegħdin ninsew punt kruċjali tassew. Bosta drabi, l-eżamijiet ipoġġu quddiem l-istudenti mistoqsijiet li fihom ma jkunux qed jieħdu minn kull wieħed u waħda dak li verament tgħallmu, imma dak li ma tgħallmux jew ma tgħallmux sewwa. Infisser ruħi aħjar: l-eżamiijiet għandhom ikunu opportunità biex l-istudenti juru x’tgħallmu u mhux okkażjoni li fiha jinqabdu b’dak li ma rnexxielhomx jitgħallmu.

Hi sfortuna tagħna li nippretendu mill-istudenti aktar milli jmessna. Nemmen li wasal iż-żmien li fih, l-eżamijiet joffru din l-isfida li fiha kull student u studenta jagħtu lura ftit milli tgħallmu, imma mhux kollox. Qatt nistgħu nibqgħu nistennew li l-istudenti tagħna matul sena skolastika jkunu ħadu kollox? Possibbilment li le. Iżda jekk kemm-il darba nibqgħu nagħfsu fuq hekk, se nkomplu nikkawżaw aktar stress.

Sfortunatament hi fin-natura tal-maġġoranza li nħallu kollox għall-aħħar, u b’daqshekk, il-ġimgħat tal-eżamijiet ikunu l-klajmaks li fih, ħafna jikkrollaw għax jgħaddu minn bidla li ma jifilħux għaliha. Kif jistgħu l-istudenti jqattgħu sigħat twal jistudjaw fil-jiem tal-eżamijiet meta huma mdorrijin ma jagħmlux lanqas għaxar minuti studju mqar tliet darbiet fil-ġimgħa? Hawn hi l-qofol tal-problema, problema li minnha jitnisslu l-oħrajn kollha relatati mal-kawża tal-istress u l-anzjetà.

L-adulti
Kull min bħali hu involut fil-qasam edukattiv, jinnota li kull ma jmur, l-istudenti tal-lum jagħmlu bħala xogħol tad-dar dak li hu ta’ bilfors, mingħajr ma jutilizzaw ftit biss minn ħinhom għal reviżjoni kontinwa u mingħajr ma jagħmlu użu mill-internet bħala għodda meraviljuża. Hawnhekk, jilagħbu parti importanti ħafna l-adulti, li għandhom ikunu huma li jassiguraw li wliedhom qed jakkumulaw l-informazzjoni gradwalment. Madankollu, il-maġġoranza huma dawk li jistudjaw biss fl-aħħar ftit jiem, bil-konsegwenza li l-materjal jirkeb lil dak li jkun.

Ħafna jaħsbu li l-irwol tal-ġenitur waqt l-eżamijiet hu f’dawn l-aħħar jiem, imma ma għandux ikun hekk. Dan għandu jkun il-mument li fih, il-ġenituri jinkoraġġixxu lil uliedhom u jgħinuhom javviċinaw l-eżamijiet b’konvizjoni ta’ kompetenza li tkun inġemgħet matul is-sena akkademika.

Żmien ir-reviżjoni
Minkejja x-xewqa ta’ kull ġenitur li jara lil uliedu jiksbu l-aħjar marki possibbli, huma bosta, anzi nkun aktar korrett jekk ngħid il-maġġoranza, li jikkunsidraw l-importanza tal-eżamijiet fil-ġranet tal-eżamijiet biss. Dan mhuwiex żmien l-istudju, imma żmien ir-reviżjoni.

Għalhekk, irridu nibdew inkunu aktar raġonevoli u nikkunsidraw li nipprevjenu l-istress u l-anzjetà minn qabel.

Fuq kollox, il-ġenitur irid jagħraf li jrid ikun hu li jiggwida lil uliedu matul is-sena kollha. U rridu nassiguraw sistema fejn il-karti tal-eżamijiet isejħu lil uliedna biex jagħtuna lura ‘ftit’ milli tkun tathom is-sistema. Ħadd ma jaf kollox, u l-ebda student ma għandu jkun kompetenti ugwalment f’kul suġġett. Hemm min hu tajjeb f’ħaġa u hemm min hu tajjeb f’oħra. Mela għaliex qed nistennew lil kulħadd jagħti kollox lura?

Nistenna li fis-sena 2016, nagħmlu aktar enfasi fuq it-tagħlim ħolistiku, imma bejn il-kliem u l-fatti hemm ix-xewqa tikkumbatti. Irridu nieqfu u nammettu, li qed nagħtu wisq informazzjoni li mhix timmudella lil uliedna f’irġiel u nisa tal-futur. Ikun bil-wisq aktar xieraq li nagħtuhom il-ftit, dak il-ftit li jgħinhom jifformulaw il-ħsieb u nħalluhom jagħtuna milli tgħallmu, mingħajr ma nippretenduhom jagħtuna dak li rridu aħna biss!

Għadni m’iniex ċert jekk dan kollu huwiex pretensjoni jew ossessjoni.