Internazzjonali

Twissija li ġellieda tal-ISIS jinsabu fi triqithom lejn Franza u l-Belġju

Is-servizzi sigrieti Belġjani wissew li ġellieda tal-ISIS qed jinġabru fl-Ewropa bl-iskop li jwettqu attakki terroristiċi u Franza u l-Belġju huma fil-mira ewlenija.
Skont rapport li nkiseb mill-midja Belġjana, dawn il-ġellieda telqu mis-Sirja u għandhom aċċess għall-armi fil-postijiet fejn jinsabu.
Ir-rapport mit-taqsima ta’ kontra t-terroriżmu tal-Pulizija Belġjana kienet ippubblikata fil-ġurnal Belġjan Dernière Heure fejn jintqal li dawn telqu madwar ġimgħa u nofs ilu mis-Sirja. Dawn huma maqsuma f’żewġ gruppi b’wieħed dirett lejn il-Belġju u l-ieħor lejn Franza, biex minn hemm jagħtu bidu għal attakki.
Filwaqt li ma jsir ebda referiment għall-kampjonat tal-football tal-Euro 2016 fi Franza, hemm aktar informazzjoni speċifika fil-każ tal-Belġju fejn jintqal li fil-mira hemm ċentru kummerċjali ewlieni fi Brussel, ħanut ta’ katina ta’ fast food Amerikan kif ukoll mira li għandha x’taqsam mal-Pulizija bħal għassa.