Għawdex Lokali Qorti

Xahrejn priġunerija talli hedded lill-Viċi Sindku taż-Żebbuġ

Victor Refalo, persuna qrib ħafna tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u eks Kunsillier Lokali tal-Partit Laburista f’Għawdex, ingħata sentenza ta’ xahrejn priġunerija wara li nstab ħati li hedded lill-Viċi Sindku taż-Żebbuġ Daniel Cardona (ritratt).

It-theddid sar fi Frar li għadda meta Refalo, sid il-kiosk f’Marsalforn li l-Gvern kabbar il-bankina għalih biex ikun jista’ joħroġ is-siġġijiet u l-imwejjed, segwa lil Cardona sa quddiem id-dar tiegħu bil-karozza. Malli l-Viċi Sindku taż-Żebbuġ niżel mill-karozza, Refalo heddu billi qallu “Inqegħdek”.

Mat-theddida, Daniel Cardona daħal f’daru biex ma jaqax għall-provokazzjoni ta’ Refalo, li biex hu jingħata l-ispazju għall-imwejjed u s-siġġijiet, ingħalqet waħda mill-karreġġjati fuq il-pont li jgħaqqad il-Menqa ta’ Marsalforn mal-kumplament tax-Xatt.

Fl-Awla tal-Qorti ta’ Għawdex, l-Avukat Chris Said f’isem Daniel Cardona, qal li l-klijent tiegħu kien lest jitlob lill-Qorti li l-każ ikun irtirat jekk ikun aċċettat divjett li Refalo ma jkellmux u ma jkollux kuntatt miegħu. Madankollu, Refalo ma aċċettax din l-offerta.

Id-deċiżjoni tat-twessigħ tal-bankina biex ikun aġevolat Victor Refalo kienet ħolqot kontroversja f’Għawdex, b’mod partikolari minħabba li Refalo hu qrib ħafna tal-Ministru għal Għawdex. Iżda barra minhekk, sorsi li tkellmu ma’ NETnews qalu li l-awtoritajiet kienu ilhom jiġu infurmati li waħda mill-kolonni li fuqhom hu mibni l-pont qed titkisser.

Għal diversi drabi qabel ma seħħ dan il-proġett, Victor Refalo ma kienx ingħata permess biex joħroġ imwejjed u siġġijiet f’din iż-żona. Dan kien deċiż ukoll mill-Qorti f’sentenza li tat aktar kmieni din is-sena, b’Refalo jispiċċa mmultat 1,200 ewro wara li nstab ħati li ħareġ l-imwejjed u s-siġġijiet illegalment.