Lokali

Allegazzjonijiet li kelb sofra biex traqqad mill-Animal Welfare

Id-deċiżjoni li ttieħdet minn veterinarju magħżul mill-Animal Welfare biex jitraqqad kelb li nstab abbandunat, tibqa’ tqajjem kontroversja. Issa dan is-sit jista’ jiżvela li dan jew sar b’użu ta’ prattiċi ħżiena li wasslu lill-kelb għal tbagħtija, inkella r-rapport mediku ppubblikat hu inkomplet.

Il-każ imur lura għall-aħħar ġimgħa ta’ April meta l-kelb, tar-razza Springer Spaniel, inġabar minn persuna li sabitu abbandunat fis-Siġġiewi. Hi ħaditu għandha u ċemplet lill-uffiċjali tal-Animal Welfare, li ġew l-għada biex jiġbru l-kelb.

Iżda qabel dan il-kelb ittieħed mingħandha, din il-persuna għamlitha ċara lil dawn l-uffiċjali li  kienet se tħallas l-ispejjeż mediċi kollha b’rabta ma’ dan il-kelb għaliex kellha l-intenzjoni li wara perjodu ta’ żmien skont il-liġi, tadottah. Talbet ukoll li tiġi mgħarrfa b’kull deċiżjoni qabel din tittieħed.

Madankollu dan ma seħħx, u ftit sigħat biss wara li nġabar, din il-persuna skopriet li kien diġa traqqad. “Assigurawni li l-klieb jinqatlu biss jekk ikunu mweġġa’ serjament, u peress li ma kelliex ċippa, riedu jistennew sebat ijiem qabel jrodduha lura, bl-għan li forsi sidha jagħmel kuntatt.”

Il-każ ħareġ fil-pubbliku madwar tliet ġimgħat wara li seħħ hekk kif din il-persuna nfurmat bil-każ lis-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes u lid-Direttur tal-Animal Welfare, ġiet imwegħda nvestigazzjoni, iżda baqgħet bla risposta.

Dan il-każ mill-ewwel qajjem rabja kbira fi gruppi fuq Facebook dedikati għal dawk li jħobbu l-annimali, b’dan is-sit isegwi l-istorja sa mill-bidu tagħha. Fil-fatt immedjatament spiċċajna fil-mira tal-kritika tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes li saħansitra akkużana li ppolitiċizzajna l-każ.

Hu naqas milli jirrispondi għaliex l-Animal Welfare injoraw it-talbiet tal-persuna li sabet il-kelb biex tkun infurmata qabel tittieħed kull deċiżjoni. Dan filwaqt li qatt ma għamel kuntatt magħna b’mod uffiċjali, imma rrikorra biss għal kummenti fuq Facebook.

Ftit jiem wara, il-persuna li sabet dan il-kelb ingħatat aċċess għar-rapport tal-veterinarju li eżamina lill-kelb, fejn tingħata lista tal-kundizzjonijiet jew mard li dan kellu.

Il-veterinarju niżżel ukoll il-mediċina T-61, li tintuża biex permezz tagħha jitraqqdu l-annimali. Iżda din is-soluzzjoni ma tinkludix effetti anestetiċi u għalhekk, jekk tintuża waħedha twassal għal uġiegħ tremend. Fil-fatt struzzjonijiet fuq l-istess mediċina jwissu biex jingħata l-loppju qabel tiġi amministrata din il-mediċina.

Mhux magħruf jekk il-kelb in kwistjoni ngħatax biss it-T-61 biex traqqad, u allura sofra biex miet, inkella ġiex amministrat xi tip ta’ loppju minn qabel. Jekk dan tal-aħħar hu l-każ, allura r-rapport ippubblikat u mgħoddi lill-persuna li sabet lill-kelb hu inkomplet u ma jurix stampa eżatta ta’ dak li seħħ.

jk

Biex niċċaraw dawn id-dubji, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju bgħatna mistoqsijiet James J. Piscopo, Koordinatur tal-Komunikazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

Staqsejna jekk ir-rapport ippubblikat hux komplet, jew inkella jekk intużatx xi mediċina jew trattament ieħor mediku qabel saret l-ewtanasja, u li mhux imniżżel fir-rapport.

F’din il-korrispondenza, tajna ċans ta’ tlett ijiem, iżda bqajna bla risposta. talli ġie njorat dan id-deadline, talli sal-ħin tal-pubblikazzjoni laħqu għaddew iktar minn tliet ġimgħat, u l-imejl ġie njorat.

Ironikament, fi dritt tar-risposta mibgħuta lil Net News dwar storja separata, ftit ħin biss qabel tlabna għal din l-informazzjoni, James Piscopo kkritikana għax meta ħriġna stejjer oħra skont hu nqasma milli nistaqsu l-mistoqsijiet lill-awtoritajiet.