Għawdex Lokali Saħħa

Attività b’ħafna pompi nhar is-Sibt biex ikun ippubblikat il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi

Il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll tal-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech f’Malta mistenni jkun ippubblikat b’ħafna pompi f’attività li se ssir is-Sibt li ġej.

Dan kien żvelat lil NETnews.com.mt minn sorsi fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, li spjegaw kif permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet, il-Gvern se jkun qed jipprova jagħti x’jifhem li dan il-ftehim hu ta’ investiment kbir.

Madankollu, fl-attività bil-pubblikazzjoni tal-ftehim, żgur ma tantx se tingħata importanza qawwija għall-fatt li dan il-proċess se ifisser, pereżempju, li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-uniku sptar pubbliku fil-gżira, se jkun qed jingħadda f’idejn il-privat għal 30 sena.

Is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li fix-xhur li għaddew, kemm ilu li sar magħruf il-ftehim mal-kumpanija Vitalis, ħafna kienu dawk li staqsew jekk dan hux se jfisser li s-Saħħa f’Għawdex mhux se tibqa’ għalkollox b’xejn.

Fil-fatt, filwaqt li fl-attività tas-Sibt li ġej mistennija ssir referenza qawwija għall-fatt li se jiżdiedu s-sodod fl-Isptar ta’ Għawdex, ftit li xejn se ssir referenza għall-fatt li ħafna minn dawn is-sodod se jkunu għall-użu tal-privat jew tat-turiżmu mediku u mhux għall-Għawdxin.

Għaldaqstant, il-Gvern se jipprova jaħbi kemm jista’ l-fatt li l-Għawdxin ftit li xejn se jgawdu direttament minn dan il-ftehim. B’hekk, ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jkollhom jistennew, inkella jaqsmu l-fliegu biex jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei.

Is-sorsi tagħna fil-Ministeru tas-Saħħa qalu li fl-attività, la r-rappreżentant tal-Gvern u lanqas dak tal-kumpanija Vitalis mhu mistennija jagħtu dettalji ġodda dwar l-impjieg tal-istaff mediku fl-Isptarijiet milquta. Dan qed jidher ċar ukoll mil-laqgħat ta’ malajr li qed isiru f’dawn il-jiem bejn it-tmexxija l-ġdida tal-Isptarijiet u l-istaff mediku f’Malta u f’Għawdex.

Is-sorsi spjegaw li l-laqgħat li saru mal-impjegati tal-Isptar ħolqu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet. Fil-fatt, innutaw il-fatt li fil-laqgħat, l-impjegati ma ngħataw l-ebda informazzjoni ġdida dwar il-paga jew it-take home pay li għandhom s’issa u jekk dawn hux se jinbidlu ladarba tidħol it-tmexxija tal-Vitalis. Qalulna wkoll li jidher ċar li l-intenzjoni tal-laqgħat kienet biss li jippruvaw jikkalmaw lill-impjegati, bit-tama li t-tibdil fit-tmexxija mill-Istat għall-Privat isir bil-kalma u bl-anqas skossi possibbli.

Dan kollu qed jagħmel sens meta wieħed jara kif sal-aħħar mument, il-Gvern qed iżomm is-skiet dwar dan il-ftehim. Fost l-oħrajn, il-Gvern qatt ma ċaħad jekk Konrad Mizzi, dak iż-żmien Ministru tas-Saħħa, kienx iltaqa’ ma’ Sri Ram Tumuluri, wieħed mid-Diretturi ta’ Vitalis, qabel ma l-kumpanija ngħatat it-tender għall-proġett.

L-istess Tumuluri qed ikun preżeti għal-laqgħat organizzati mal-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u anke fl-Isptarijiet f’Malta li se jintlaqtu minn dan il-ftehim. Dan il-fatt, skont is-sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt, qed jitfa’ aktar pressjoni fuq l-impjegati preżenti għax mhux qed jaraw trasparenza fil-mod kif sar il-ftehim.

Dwar l-attività ppjanata għas-Sibt, is-sorsi spjegaw li l-ħsieb tal-Gvern hu li jagħmel enfasi fuq “l-investiment” aktar milli fuq il-problemi ta’ kuljum li suppost għandu jiġu mmirati ladarba jidħol fis-seħħ dan il-ftehim. Il-pjan tal-Gvern hu li dan il-fatt jagħmilha eħfef biex il-gazzetti tal-Ħadd jiddedikaw il-faċċati tagħhom għal din l-attività, filwaqt li l-problemi fil-qasam tas-Saħħa jibqgħu moħbija taħt it-tapit.