Madwar 200 persuna l-Ħamis filgħaxija nġabru fil-Baħrija bit-tama li permezz tal-indirizz tagħhom lill-midja xi ħadd jagħti kashom u jtemmilhom madwar sena u seba’ xhur tbatija li ilhom għaddejjin minnha.
Matul protesta li għaqqdet flimkien lir-residenti, sidien ta’ stabbilimenti u bdiewa tal-Baħrija u ż-żoni tal-madwar, dawk kollha preżenti kellhom storja x’jirrakkuntaw.
Ommijiet li semmew kif it-trasport ta’ wliedhom għall-iskola qed jitlaq minn kmieni ħafna, jekk jilħquh, ħaddiema li biex jaslu sal-Mosta qed jitilqu siegħa qabel meta qabel kienu jieħdu inqas minn kwarta, persuni li kellhom bżonn tobba jżuruhom fi djarhom iżda jaqtgħu qalbhom u tfajla li se tiżżewweġ u kellha tħallas biex tingħalaq triq sħiħa.
Dan kollu għaliex proġett biex jgħaddu s-servizzi, b’mod speċjali tad-dranaġġ, ilu wieqaf għal dan iż-żmien kollu minħabba sejba arkeoloġika ta’ katakombi u oqbra.
Iżda ironikament, meta r-residenti tal-Baħrija u l-madwar bdew jinġabru bi ħġarhom għal din il-protesta, fil-post dehru wkoll il-ħaddiema li f’okkażjoni rari kienu għadhom qed jaħdmu sas-6 ta’ filgħaxija.
U biex tkompli tqajjem rabja fost ir-residenti, f’parti fiż-żona fejn instabu dawn l-oqbra li tant kienu mfaħħra bħala sejba importanti beda jintefa’ l-konkos li kien għadu frisk meta l-folla preżenti bdiet il-protesta.
F’indirizz lill-midja, dawk preżenti wegħdu li fis-26 ta’ Lulju li ġej se jerġgħu jipprotestaw mill-ġdid, jiġifieri fil-ġurnata meta skont rapporti fil-midja kellu jkun lest dan il-proġett.
Ingabru wkoll il-firem, li mistennija jiġu ppreentati f’kastilja lill-Prim Ministru wara li l-ewwel ġabra ta’ firem ma serviet għal xejn.
//= $special ?>