Lokali Parlament

Għaliex twaqqfet id-diskussjoni dwar l-awtonomija parlamentari?

Il-Parlament - Mill-Arkivji

Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, appella biex il-Gvern ikompli d-diskussjoni dwar l-awtonomija parlamentari u dwar ir-riformi kostituzzjonali waqt li saħaq li wasal ukoll iż-żmien li jikber ir-rispett lejn il-Parlament billi l-Ispeaker jinħatar b’żewġ terzi tal-Parlament.

Fl-aġġornament tas-seduta parlamentari tal-bieraħ filgħaxija, id-Deputat Nazzjonalista David Agius irrefera għad-diskors tal-Ispeaker Anġlu Farrugia fl-okkażjoni taċ-ċerimonja li fakkret is-Sette Giugno. Matulu semma l-fehma li l-Parlament ikollu Kumitat dwar il-ħsieb. David Agius qal li jaqbel ma’ dan is-suġġeriment u ħeġġeġ Membri Parlamentari oħrajn biex jaqblu u jaraw li dan il-ħsieb iseħħ. Hu qal li jaqbel ukoll ma’ dak li qal l-Ispeaker meta sostna li l-membri tal-familja tal-Membri Parlamentari m’għandhoxm jiddaħħlu fil-kontroversja politika.

David Agius qal li wasal iż-żmien li dak li hu ħażin jissejjaħ ħażin. Fakkar ukoll fl-appell tal-President biex tingħata attenzjoni dwar diskors u kif dan jingħad. Tkellem kontra sistemi li qed jintużaw f’ċerti blogs li jippubblikaw saħansitra ritratti ta’ familjari f’mumenti personali.

Hu kkundanna atteġġjament ta’ kummenti li jintalbu għall-għarrieda minn impjegati fis-servizz ċivil li jmorru fuqu b’camera wara l-bieb tal-uffiċċju. Wiegħed l-appoġġ tiegħu u ħeġġeġ lill-Ispeaker u lill-President biex isir dak kollu possibbli ħalli jiżdied ir-rispett lejn il-Parlament u l-Membri Parlamentari.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li ma jistax jifhem għaliex twaqqfet id-diskussjoni dwar l-awtonomija parlamentari. Wasal iż-żmien li jikber ir-rispett lejn il-Parlament. Dan jista’ jsir billi l-Ispeaker ikun maħtur b’żewġ terzi tal-Parlament. Staqsa wkoll għaliex weħlu r-riformi kostituzzjonali u l-Gvern mhux iressaqhom ’il fuq fl-aġenda tax-xogħol tal-Parlament.

L-ogħla karigi fil-pajjiż għandhom jinħatru bl-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament
L-Oppożizzjoni qed tissuġġerixxi li l-ogħla karigi fil-pajjiż ikunu bl-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Kif ukoll l-iżviluppi fiż-żoni barra miż-żoni ta’ żvilupp. Wasal iż-żmien ukoll għar-riformi tal-ordnijiet permanenti. Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet mal-Gvern u l-Oppożizzjoni, għandu jsir sforz biex dawn ir-riformi jsiru bla dewmien. Dan il-proċess m’għandux ikun suġġett mal-kwistjoni tal-ħatra tal-Kummissarju dwar l-Istandards.

David Agius irrefera wkoll għal dak li qed isir mill-fondi miġbura mill-kontravenzjonijiet. Sostna li kien hemm qbil li ssir diskussjoni dwar kif għandhom jitqassmu dawn il-fondi b’mod li l-Kunsilli Lokali jkollhom iżjed għajnuna ħalli jaqdu l-obbligi tagħhom.
Id-Deputat Nazzjonalista semma d-diversi diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom numru ta’ Kunsilli Lokali u appella biex ikun hemm qbil bejn Gvern u Oppoizzjoni ħalli jingħelbu dawn il-problemi.

Il-marda tal-korruzzjoni laħqet anke l-isport
David Agius tkellem ukoll dwar il-marda tal-korruzzjoni li issa laħqet anke l-isport, saħansitra minn plejers li jilbsu l-flokk nazzjonali. Hemm qbil li ssir proposta biex reati bħal dawn ikollhom kastigi akbar.

David Agius feraħ lill-plejers tas-snooker u tal-waterpolo li kisbu riżultati tal-ogħla ġieħ għal pajjiżna. Hu qal li fl-ewwel tlett ijiem tax-xahar id-dieħel, Lulju, il-PN se jorganizza konferenza ġenerali tal-isport biex ikunu diskussi l-isport u l-edukazzjoni, il-qasam tas-saħħa u l-infrastruttura relatata mal-isport.

David Agius ħeġġeġ biex minflok kitba li ġġib firda, issir ħidma li ġġib l-għaqda.