BLOGS

Id-dritt tiegħek huwa dmir għall-Gvern

Kull min hu intitolat għal xi ħaġa, għandu dritt joħodha – din tapplika f’kollox. Jekk bniedem hu intitolat għal xogħol, għajnuna, benefiċċji, privileġġi, allura dan għandu joħodhom. Żgur li wħud minn dawk li qed jaqraw dan l-artiklu bħalissa qed ixenglu rashom – dan għax illum, id-dritt m’għadux sagrosant, u dak li jistħoqlok, mhux neċessarjament jingħatalek.

Smajna b’numru ta’ każijiet fejn persuni ma ħadux dak li kien tagħhom bi dritt. Kellna diversi okkażjonijiet fejn persuni nqabżu fi promozzjonijiet, fejn persuni kompetenti ġew injorati f’impjiegi jew lanqas biss ingħataw l-opportunità li japplikaw għal xogħlijiet għax ma ħarġet l-ebda sejħa.

Qed ngħixu fi żmien fejn id-drittijiet qed jiġu mhedda u r-rota qed iddur bil-kundizzjoni ta’ “lil min taf, u mhux kemm taf” – xi ħaġa li f’pajjiż demokratiku żgur li mhux postha, wisq iktar meta jkun il-Gvern stess li qed jeżerċita din il-filosofija xejn pjaċevoli għaċ-ċittadin ġust.

L-armata, il-Korp u aktar
Sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, dan il-Gvern beda juri dawn is-sinjali. Fil-fatt ftit ġimgħat biss wara li pajjiżna ngħata f’idejn Gvern Laburista ġdid, kellna l-famużi promozzjonijiet fl-Armata fejn saħansitra kien hemm min ħa 3 promozzjonijiet fi ftit ġimgħat biex laħaq fejn xtaq – għax ma’ dan il-Gvern, bil-kuntatti tagħmel triq fil-baħar.

Il-Korp tal-Pulizija wkoll milqut minn aġir irresponsabbli ta’ dan il-Gvern. Personalment, nemmen li l-Korp tal-Pulizija hu wieħed mill-iktar elementi li ġew effettwati mill-ineffiċjenza u inkompetenza ta’ dan il-Gvern. Dan għax naqas milli jara x’inhuma l-problemi u sfidi li jiffaċċjaw l-uffiċjali u minflok saħħaħ il-Korp, dgħajfu.

Dgħajfu mhux biss mil-lat ta’ operat, iżda anki mil-lat ta’ rispett tal-poplu lejn l-uniformi. Kif jista’ wieħed jispjega li uffiċjal tal-Pulizija jingħata l-ordni biex iservi ta’ waiter f’attività tal-Gvern? Kif jista’ wieħed jippretendi li l-poplu jirrispetta lill-Pulizija meta l-Ministru stess qed juri dan it-tip ta’ diżrispett lejn min qiegħed hemm biex jinforza u jiżgura s-sigurtà tagħna ċ-ċittadini?

Ovvjament kien hemm aktar – kien hemm każijiet fejn persuni ngħataw inkarigi u jitħallsu mit-taxxi tagħna, mingħajr ma nħarġet sejħa u b’hekk mingħajr ma l-poplu ngħata l-opportunità li japplika għal dawn il-pożizzjonijiet. Il-poplu f’dawn il-każijiet hu biss dak li qed iħallas – ġabu lill-poplu spettatur u mhux protagonist.

Id-dritt huwa fundamentali
Lill-bniedem m’għandek qatt tikkompromettilu d-dinjità tiegħu, u d-dinjità tal-bniedem hi li jingħata d-drittijiet biex jikber u jiżviluppa, iżda fuq kollox, li jgħix f’pajjiż ġust immexxi minn Gvern b’kuxjenza soċjali u imparzjali għall-ġid ta’ kulħadd mhux tal-ftit.

Jiena nemmen li kulma hu dritt taċ-ċittadin, huwa dmir tal-Gvern li jara li dan id-dritt jingħatalu. Dan hu d-dover ta’ kull Gvern – jidher li għal dan il-Gvern, din mhix prijorità, iżda l-poplu sovran u għalhekk kull ċittadin għandu jara li jagħżel Gvern li jkun ġust miegħu – għandu jara li jagħżel Gvern li jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu biex b’hekk flimkien nirnexxu.