Id-Dar tal-Providenza għaddejja b’numru ta’ proġetti, fosthom rinnovar tas-Sala prinċipali, pixxina terapewtika kbira u dar ġdida fil-komunità li mistennija tinbena fil-Balluta.
Dan minbarra li d-Dar għandha madwar €4 miljun fi spejjeż kull sena, inkluż biex tmantni djar oħra fil-komunità u toffri servizzi lil persuni b’diżabbiltà.
Għal dan il-għan u għas-seba’ sena konsekuttiva, id-Dar tal-Providenza qed torganizza l-Maratona ta’ 53 siegħa bla waqfien ta’ volleyball bejn l-1 u t-3 ta’ Lulju fid-Dar stess.
Il-Maratona għandha wkoll l-għan li jitħeġġeġ il-volontarjat, ikun inkoraġġit l-isport permezz tal-volleyball, filwaqt li jitwassal messaġġ ta’ rispett u opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabbiltà.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar tal-Providenza stess, il-poplu ġie mħeġġeġ jattendi għal din il-Maratona, li matulha se jkun hemm ukoll spettaklu, ikel u xorb, kif ukoll se jintwerew il-logħob tal-Euro 2016.
Minbarra l-Maratona tal-Volleyball, fl-24 ta’ Ġunju se ssir ukoll Maratona Ġbir ta’ Fondi waqt il-programm Xarabank. Il-Maratona qed issib bl-appoġġ tal-Marigold Foundation u BoV in the Community.
NET Television hu wieħed mill-istazzjonijiet li qed jappoġġja lil din il-Maratona, inkluż b’xandiriet diretti.
//= $special ?>