Sospiża l-kampanja tar-Referendum dwar il-Brexit.
Deputat Parlamentari tilfet ħajjitha wara li hi spiċċat attakkata fil-kostitwenza tagħha, fejn qalgħet diversi tiri ta’ arma u daqqiet ta’ sikkina. Sa ftit tal-ħin ilu hija kienet f’kundizzjoni kritika.
Id-deputat Laburista Jo Cox, li kienet tirrappreżenta l-kostitwenza ta’ Batley u Spen, mietet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrbet fl-attakk u l-Prim Ministru Britanniku David Cameron kien fost l-ewwel nies li esprimew xokk u dieqa għal dak li seħħ. Ingħad li raġel li kien fl-inħawi tal-attakk indarab ħafif fil-kaos, bir-rapporti jirreferu wkoll għall-arrest ta’ raġel li qed jgħin bl-istħarriġ tal-pulizija.
Jo Cox kienet favur li r-Renju Unit ikompli fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-attivisti wara l-kampanji rispettivi dwar il-futur tar-Renju Unit, qabel ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju, iddeċidew li jipposponu l-attivitajiet rispettivi fid-dawl ta’ dan il-qtil xokkanti.
Intant l-iSpeaker Anġlu Farrugia bagħat il-kondoljanzi tal-Parlament Malti wara l-qtil tal-MP Ingliża Jo Cox.
L-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, qal li f’ismu u f’isem il-Membri Parlamentari kollha juri espressjoni ta’ sogħba u jibgħat il-kondoljanzi lill-iSpeaker tal-House of Commons wara l-aħbar tal-qtil tal-Membru Parlamentari Ingliża Jo Cox.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll esprimha s-sens ta’ dieqa għall-qtil tal-Membru Parlamentari tar-Renju Unit Jo Cox. Il-Partit Nazzjonalista jwassal messaġġ ta’ kondoljanzi mhux biss lill-familja tal-Membru Parlamentari, iżda anke lill-poplu tar-Renju Unit. Il-Partit Laburista min-naħa tiegħu wkoll wera dispjaċir għal dan l-attakk li sarraf fil-mewt ta’ Cox.
Aktar qabel; Xhieda li nzertaw fil-post fejn seħħ l-attakk qalu li Jo Cox, deputat Laburista għal Batley and Spen, tħalliet mal-art mill-aggressur tagħha. Dan meta raġel fl-inħawi spiċċa jsofri ġrieħi ħfief waqt id-drama.
Il-Pulizija ta’ West Yorkshire qalu, aktar tard, li raġel ta’ 52 sena kien arrestat fl-inħawi ta’ Birstall fejn id-deputati jiltaqgħu, kull ġimgħa, għal-laqgħat.
Ix-xhieda qalu li l-aggressur tad-deputat sparalha diversi drabi u meta hi kienet mal-art, hu resaq fuqha u sparalha mill-ġdid mill-viċin. Meta xi nies ippruvaw jaqbdu lir-raġel, hu ħareġ sikkina u reġa’ ħebb għad-deputat fost il-kaos u l-konfużjoni.
L-aħħar rapporti qalu li Jo Cox, li għandha 41 sena, ittieħdet bl-ambulanza lejn l-isptar ta’ Leeds, bil-pulizija jispiċċaw stazzjonati fuq barra.
Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron u l-ogħla awtoritajiet Britanniċi esprimew it-tħassib u x-xokk kbir tagħhom għal dan l-attakk.
//= $special ?>