Lokali

Jikkritika d-dewmien fil-proġett tal-Baħrija imma jonqos milli jgħid hux se jattendi għall-protesta

Is-Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi ddeskriva l-protesta li se ssir illejla mir-residenti tal-Baħrija bħala waħda ġustifikata. Il-protesta se ssir wara li għal iżjed minn sena, dawn ir-residenti kienu sfurzati jgħaddu minn toroq alternattivi li huma mudlama, fi stat diżastruż u perikolużi.

Fi status li ktieb fuq Facebook, Azzopardi tkellem dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw ir-residenti u kkritika l-mod kif sar dan il-proġett. “Kont u għadni nemmen li hemm bżonn ta’ persuni awtorizzati li jidderieġu t-traffiku. Kellu jinbidel drastikament l-aċċess biex wieħed jidħol u joħroġ minn daru. Hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn dak li jrid isir u dak li jrid jiġi priservat. Fuq quddiem dejjem trid tittieħed f’konsiderazzjoni t-tbatija li minnha għaddejjin kuljum ir-residenti tal-Baħrija u l-ħafna oħra li jagħmlu mal-parti rurali.”

Ironikament Charles Azzopardi għamel dawn il-kummenti fil-ġurnata li fiha r-residenti tal-Baħrija se jipprotestaw iżda naqas mill jgħid jekk hux se jkun preżenti għal din il-protesta u ma weġibx għal żewġ stediniet li sarulu bil-miktub minn waħda mir-residenti.

Fil-fatt l-istatus ta’ Azzopardi wassal għal kritika qalila mingħand ir-residenti. Min staqsieh għaliex ma ġewx tranġati t-toroq alternattivi, min qallu li issa tard wisq u oħrajn akkużawh li qed jidħaq bin-nies.