Lokali

L-Air Malta titlob lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil wieħed mill-impjegati tagħha

Ilbieraħ, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta talbet lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet li saru mill-Kaptan Domenic Azzopardi waqt laqgħa li saret il-Ġimgħa li għadda mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

L-allegazzjonijiet tal-impjegat tal-Air Malta, dwar is-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija tal-linja nazzjonali tal-ajru kienu rrappurtati fil-mezzi tax-xandir lokali u f’ċerti sezzjonijiet tal-media, fejn ġie kkwotat li “rridu nsiru nafu li n-nies li jużaw is-servizz qed iħallsu għalih. Hemm €200 miljun fi dħul. Xi wħud mhux qed jħallsu għas-servizz li qed jieħdu. L-ajruplani huma dejjem mimlija bil-merkanzija. Fejn qed jmorru l-flus?”.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li dawn l-allegazzjonijiet la ġew sostanzjati u lanqas irtirati minn Azzopardi. Filwaqt li ċaħdet kategorikament dawn l-allegazzjonijiet bħala infondati u maħsuba biex itappnu r-reputazzjoni tal-kumpanija u tal-impjegati, l-Air Malta qalet li qed tirriserva d-dritt li tieħu passi ulterjuri fil-konfront tal-impegat tagħha, skont ir-riżultati tal-investigazzjonijiet.