Il-pulizija fi Florida rkupraw katavru li jemmnu hu tat-tifel ta’ sentejn li, nhar it-Tlieta, inħataf minn alligatur fil-kumpless tal-Walt Disney World, ġo dan l-Istat Amerikan.
Dakinar, it-tifel kien qed iżur il-kumpless flimkien mal-familja tiegħu meta l-alligatur kaxkru għal ġol-ilma ta’ lagoon minkejja l-isforzi ddisprati tal-missier biex isalvah.
It-tifel jismu Lane Graves u familtu ġejja minn Nebraska. Ftit wara l-attakk terribbli, l-awtoritajiet ħatfu u qatlu ħames alligaturi f’tentattiv biex jinstabu l-fdalijiet tat-tifel.
L-aħħar rapporti qalu li bugħaddasa sabu katavru ‘intatt’ fl-ilma u għalkemm ma seħħitx identifikazzjoni formali, il-pulizija huma ‘kważi konvinti’ li huwa tat-traġiku Lane.
Dan meta kelliema għall-awtoritajiet sostnew li, illum, mhemm l-ebda ħjiel ta’ dubju li t-tifel ma salvax b’ħajtu waqt il-konfront mal-alligatur.
Għexieren ta’ nies, fl-aħħar jiem, użaw tagħmir sonor biex ifittxu n-network tax-xmajjar u għadajjar konnessi mas-Seven Seas Lagoon fiz-zona speċifika. L-attakk tal-alligatur fuq it-tifel seħħ meta ċ-ċkejken kien miexi fl-ilma baxx u meta qrib il-lagoon ma kien hemm l-ebda sinjali li jwissu dwar il-preżenza tal-alligaturi.
//= $special ?>