Permezz tax-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, l-Oppożizzjoni llum ippreżentat Private Member’s Bill biex f’każijiet eċċezzjonali fejn jiġi ppruvat li tkun saret amministrazzjoni ħażina tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Appell Kriminali jkollha s-setgħa tistħarreġ mill-ġdid każ li jkun ġie referut lilha wara kundanna minn kull Qorti ta’ Ġustizzja Kriminali.
Il-Private Member’s Bill ġie ppreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, li min-naħa tiegħu sostna li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħmel rekord f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proposti ta’ Liġijiet ġodda u Emendi fil-Liġijiet attwali.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li ppreżenta l-Private Member’s Bill, Jason Azzopardi qal li dan l-Abbozz ta’ Liġi se jħalli impatt mill-viċin ma’ min ikun sofra xi tip ta’ inġustizzja u jsir jaf biha wara li tkun ingħatat is-sentenza.
Għamel referenza għall-każ ta’ Emanuel Camilleri, li kien fil-media fix-xhur li għaddew, u sostna li dan l-Abbozz kien qed jiġi ppreżentat wara li l-Oppożizzjoni fehmet is-sitwazzjoni li jinsabu fiha nies f’din iċ-ċirkostanza.
Jason Azzopardi sostna li din tista’ tkun forma ta’ għodda ġdida għall-vittmi tal-inġustizzja fil-kors tal-Ġustizzja. Hu appella lill-Gvern biex ipoġġi din l-Emenda fuq l-Aġenda tal-Parlament mill-aktar fis possibbli ħalli tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.
Jason Azzopardi kien akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>