BLOGS

Meta l-aħmar mhux skur biżżejjed!

“Il-PBS trid tagħti pjattaforma bilanċjata liż-żewġ partiti, u dan bħalissa mhux qed jiġri, u nħoss li din hi waħda mid-dwejjaq li għandhom il-partitarji u l-attivisti Laburisti u jien ħassejt li għandi nsemmiha fil-laqgħat li kien qed ikolli mad-delegati”.

Hekk kien rappurtat li stqarr id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona mal-gazzetta Illum.

Kull min isegwi l-PBS b’mod regolari jista’ jiġġudika b’għajnejh il-bilanċ politiku jew in-nuqqas tiegħu fuq ix-xandir nazzjonali. L-aħbarijiet fuq TVM, li kumbinazzjoni b’mod regolari jagħżlu li jagħtu importanza sekondarja lil dawk l-istejjer li b’xi mod huma imbarazzanti għall-Gvern Laburista u bil-maqlub jagħtu importanza assoluta lil dawk l-aħbarijiet li l-istess Gvern Laburista jkun irid jimbotta fuq quddiem nett għal vantaġġ politiku.

Kull min isegwi l-PBS jaf li f’ċertu programmi l-mistiedna tal-Partit Nazzjonalista kumbinazzjoni spiss jispiċċaw iffaċjati b’dibattitu xejn bilanċjat fejn l-attakki kontra l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jkunu ġejjin minn varjeta ta’ sorsi b’mod li jkun ċar li kumbinazzjoni l-Partit Laburista qiegħed f’vantaġġ.

Kull min isegwi l-PBS jaf li anki numru ta’ ħatriet fi ħdan il-PBS kumbinazzjoni marru għand persuni li fil-passat kellhom xi rabta jew mal-Partit Laburista u l-midja tiegħu jew inkella mal-General Workers’ Union u l-midja tagħha; naturalment kulħadd jaf fejn jonfoh ir-riħ tal-midja tal-General Workers’ Union.

Għal Chris Cardona, iżda, dan mhux biżżejjed. Għal Chris Cardona, il-PBS għadu mhux jonfoħ biżżejjed favur il-Gvern Laburista. Għal Chris Cardona, jidher li l-PBS irid joffri pjattaforma akbar milli diġà qed joffri lill-Partit Laburista.

F’demokrazija normali, l-istat tal-PBS fil-preżent diġà jqajjem ħafna tħassib dwar il-kredenzjali demokratiċi tal-gvern tal-ġurnata. Jekk is-sitwazzjoni tkompli tiżdied fejn tidħol id-doża politika favur il-Gvern allura tassew l-allarm għandu jkompli jiżdied.

Naturalment ikun hemm min jgħid li fuq il-PBS hemm programmi ta’ attwalità politika li jressqu diskussjonijiet maturi u bilanċjati bħal, pereżempju, il-programm Times Talk. Ta’ min wieħed jinnota, iżda, li fuq il-PBS id-diskussjonijiet bilanċjati qed ikomplu dejjem jingħataw il-ġenb; ħinijiet mhux prime time li ma jmurx it-telespettaturi jkunu esposti għal xi dibattitu bilanċjat!

F’pajjiżna jeħtieġ li tieqaf darba għal dejjem il-logħba ping pong fejn jidħol ix-xandir nazzjonali. F’pajjiżna jeħtieġ li x-xandir nazzjonali jibqa’ bilanċjat u oġġettiv ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern. Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar governanza tajba jindirizzaw din il-ħtieġa li qed tkompli tiżdied fl-urġenza jum wara l-ieħor.

F’demokrazija, il-bilanċ u l-oġġettività fix-xandir nazzjonali hu essenzjali. Ma għandu qatt jiġi aċċettat li x-xandir nazzjonali jkun qisu xi każin Laburista. Ix-xandir nazzjonali hu tagħna lkoll, jaċċetta jew le d-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.

Tassew każ li bħal donnu l-aħmar mhuwiex aħmar skur biżżejjed għal Cardona!